Festivals Malta ħabbret li fil-jiem li ġejjin se tkun qed tippreżenta programm kultura alternattiv għall-edizjoni tal-Karnival ta’ Malta 2022.
Fi stqarrija, spjegat kif il-programm imħejji huwa intiż li filwaqt li titkompla tiġi ċċelebrata l-espressjoni artistika u t-tradizzjonijiet kulturali ta’ pajjiżna, tiġi mħarsa wkoll is-saħħa tal-parteċipanti u l-pubbliku in ġenerali.
Għalhekk, il-programm se jkun qed jittella' b'ħarsien lejn il-protokolli maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.
Fost oħrajn se jinkludi esebizzjoni tal-kostumi u fotografija marbuta mal-Karnival, interpretazzjoni tal-Qarċilla ġewwa Spazju Kreattiv, kif ukoll se jiġu esebiti installazzjonijiet b’materjal tradizzjonali karnivalesk fit-toroq tal-Belt Valletta.
Din is-sena, il-Karnival se jaħbat fl-aħħar jiem ta' Frar u fl-ewwel jiem ta' Marzu.
Aktar dettalji se jkunu qed jingħataw fil-jiem li ġejjin.