Il-Professur Andrew Azzopardi qed iħeġġeġ lill-President biex ma jiffirmax il-liġi tal-kannabis

Jisħaq li qabel għandhom isiru aktar studji aktar dettaljati u ssir diskussjoni aktar wiesgħa dwar din ir-riforma

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi qed iħeġġeġ lill-President George Vella biex ma jiffirmax ir-riformi li qed ikunu proposti fil-liġi tal-kannabis.

Fuq Facebook, Azzopardi saħaq li l-ewwel u qabel kollox din hija kwistjoni nazzjonali u li timmerita kunsens waqt li fakkar li mhux biss l-Oppożizzjoni qed topponiha, imma anke diversi għaqdiet u assoċjazzjonijiet edukattivi u mediċi.

Kompla jisħaq li esponenti ta' għaqdiet governattivi u anke għaqdiet li ħadmu u li jaħdmu ma' persuni bil-vizzju tad-droga wkoll qed juru xettiċiżmu dwarha.

Fi kliemu, anke persuni li kienu jiddependu mid-droga u l-qraba tagħhom qed iwissu kontra.

"Hija riforma li se tbiddel l-interpretazzjoni tagħha ta' kif niddiljaw mal-isfidi tagħna u kif ninterpretaw id-divertiment," saħaq Azzopardi.

Insista wkoll li dwar ir-riformi proposti ma hemmx pożizzjonijiet ċari mis-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika, mill-Awtorità tas-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u lanqas mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Kien hawn li saħaq li hemm nuqqas ta' riċerka fuq il-kuntest lokali u nuqqas ta' studju serju fuq l-impatt li din il-liġi jista' jkollha fuq il-familji.

"Umilment naħseb li l-President huwa fid-dmir morali li jipposponi l-iffirmar u jagħti aktar ċans biex isir studju u aktar diskussjoni qabel ma nibqgħu għaddejjin romblu bir-riforma," temm jisħaq il-Professur Azzopardi.

Aqra wkoll:

More in Politika