22 entità, kemm tal-Knisja u anke għadd ta' organizzazzjonijiet indipendenti, ingħaqdu flimkien u ppreżentaw lill-Membri Parlamentari position paper dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-użu rikreattiv tal-kannabis.
Fil-pożizzjoni tagħhom, l-entitajiet li ħafna minnhom jaħdmu ma’ tfal u żgħażagħ, jisħqu li l-abbozz, kif ippreżentat bħalissa, se jkollu effett negattiv u se jkun qed jinnormalizza l-użu tad-droga u anke jonqos milli jipproteġi kemm lis-soċjetà kif ukoll lil min juża d-droga.
L-entitajiet saħqu li huma mħassba serjament dwar l-effetti li se jkollha din il-liġi u qed jappellaw għal “dibattitu serju, matur u riċerkat dwar is-suġġett.”
Insistew li kollha kemm huma jappoġġjaw il-liġi kif inhi bħalissa, jiġifieri liġi li tiddekriminalizza l-pussess ta’ ammonti żgħar ta’ kannabis għall-użu personali.
Urew it-tħassib tagħhom għal dik li sejħu bħala “għaġla li biha, fl-aħħar ta’ din il-leġiżlatura u lejlet elezzjoni ġenerali, il-Parlament qed jintalab jgħaddi din il-liġi,” u li, fi kliemhom, qed tipproponi bidliet radikali u riskużi.
Appellaw lill-Gvern biex iwaqqaf il-proċess sakemm isir studju serju, indipendenti u r-riċerkat dwar l-impatt soċjali tal-proposti f’dan l-abbozz.
Fil-position paper, l-entitajiet qed jisħqu li l-abbozz joħloq “mudell regolat dgħajjef” li fih ħafna nuqqasijiet u li jista’ jwassal għall-abbuż.
Jesprimu wkoll tħassib serju dwar għadd ta’ aspetti, fosthom it-tkabbir tal-kannabis fid-djar u anke “r-regolamentazzjoni dgħajfa” ta’ ftuħ ta’ assoċjazzjonijiet li jkunu jistgħu jbiegħu l-kannabis lill-membri tagħhom.
It-22 firmatarji ta’ din il-position paper li ġiet ippreżentata llum lill-membri parlamentari huma: l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, Caritas Malta, Dar tal-Providenza, Djar tal-Knisja għall-Anzjani, il-Fondazzjoni Merħba Bik, il-Fondazzjoni Istitut Paolo Freire, il-Fondazzjoni OASI, Fondazzjoni Sebħ, il-Fondazzjoni St Jean Antide, il-Kummissjoni Djoċesana Djakonija, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, il-Kunsill tas-Superjuri Maġġuri Reliġjużi (KSMR), Malta Catholic Youth Network (MCYN), Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre Chaplains, il-Millennium Chapel, Peace and Good Foundation, l-Uffiċċju Ħidma Pastorali mal-Persuni Separati, is-Segretarjat Assistenza Soċjali (SAS), is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, SOS Malta, Society St Vincent de Paul u YMCA Malta.
Agħfas hawn biex taqra l-position paper kollha.