'Bil-protokolli eżistenti purċissjonijiet mhumiex possibbli'; Mitluba laqgħa ma' Charmaine Gauci

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda ilha titlob laqgħa diversi xhur iżda l-istedina qatt ma ġiet milqugħa

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banbda talbet laqgħa mas-Suprintendenza tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci biex ikunu diskussi l-festi u l-futur tagħhom.

Fi stqarrija, l-Għaqda saħqet li ħadet nota tal-istqarrijiet li saru lbieraħ kemm mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u anke mill-kurja.

Fi kliemha, huwa ċar li bil-protokoll eżistenti maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ma jippermettux li jiġu organizzati l-Festi Esterni bħal Purċissjonijiet.

"L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda għal darba oħra titlob laqgħa mas-Suprintendenza tas-Saħħa Pubblika bħal ma ilha tagħmel minn April 2020 sabiex permezz ta’ diskussjoni magħha flimkien mal-Kurja Arċiveskovili jitfasslu protokolli li jippermettu verament li jiġu ċelebrati l-festi esterni," saħqet l-istqarrija. 

Appellet ukoll lil kulħadd biex jiġbed ħabel wieħed u ma "jintilifx pern ewlieni tal-Identità Kulturali Maltija."

Id-diskussjoni dwar il-festi qamet aktar wara li nhar il-Ħadd li għadda ġiet organizzata l-Fun Run tal-President b'mijiet ta' Maltin jinġabru jimxu fit-toroq tal-ibliet u l-irħula. Minkejja dan, il-festi, partikolarment il-purċissjonijiet mhux qed isiru.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-gazzetta ILLUM żvelat il-proposti li kienet qed iressaq 'il quddiem il-Work Group fi ħdan l-Għaqda Każini tal-Banda biex il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ta' Bormla tkun iċċelebrata anke esternament, iżda b'mod ikkontrollat.

Aqra wkoll:

More in Politika