Abela jisħaq li l-Gvern mhux se jitfa' l-piż tal-prezzijiet tal-enerġija fuq il-poplu

F'intervista dalgħodu jħeġġeġ lil kull min qed jirċievi l-invit biex imur jieħu l-booster, imur jieħdu...

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

“Aħna Gvern li fl-aktar kriżijiet diffiċli, dejjem nagħżlu li nkunu man-nies u n-negozji...Aħna rridu nibqgħu nfittxu s-soluzzjonijiet. Mhux dejjem se jkunu faċli imma nsibuhom.” Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio dwar l-isfidi internazzjonali fil-prezz tal-enerġija.

“Il-Maltin jafu li fl-aħħar snin żammejna l-orħos kontijiet, ferm orħos minn dawk f’pajjiżi oħra u meta ġie mument ta’ diffikulta fl-eqqel tal-ewwel mewġa tal-pandemija raħħasna l-prezz tal-fuel." 

Abela sostna illi fil-Kunsill Ewropew il-prezzijiet tal-Enerġija - li bħalissa reġgħu qed jiżdiedu sew - kienu fost l-aktar kwistjonijiet importanti fuq l-aġenda. Il-Prim Ministru spjega wkoll li pajjiżna issa mar ukoll għal enerġija aktar nadifa meta hemm min għadu juża l-faħam. "Minħabba r-realta’ differenti minn pajjiżi oħra għax pajjiżna għandu biss kumpanija waħda li tipprovdi l-enerġija, il-Prim Ministru saħaq li bħala Gvern irnexxielu jikkonvinċi lill-pajjiżi l-oħra biex fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ikun hemm referenza kontinwa għal dawn ir-realtajiet," sostna Abela. 

“Mhux se naċċetta li l-pressjoni internazzjonali ta’ żieda fil-prezzijiet naqbdu u nixħtuha fuq il-konsumatur qisu xejn mhu xejn,  kif kien isir fi gvernijiet oħra li kienu jgħidu rridu nidraw kontijiet għoljin u li qatt ma kienu se jerġgħu jorħsu," sostna Abela. 

Il-Prim Ministru qal ukoll kif bħala pajjiż saru miri ambizzjużi biex insiru carbon neutral u jitkattar l-investiment b’mod sostenibbli. “Sabiħ li tara dan l-aptit li n-negozji jirkbu fuq il-ħtieġa ta’ bidla anke mil-lat ta’ sostenibbiltà.”

Huwa sostna wkoll kif dan il-messaġġ irid jasal ukoll fl-arena internazzjonali. “Fil-jiem li ġejjin se nattendi l-COP 26 u hemm se nwasslu l-messaġġ tagħna bħala pajjiż żgħir li lesti nagħmlu l-partit tagħna, iżda li nifhmu wkoll kif kulħadd irid jagħmel il-parti iegħu għax dak li ma jagħmilx ħaddieħor ikollu impatt fuqna wkoll.”

Il-prinċipju marbut mal-Emerġenza Klimatika jitlob lill-istati membri kollha biex flimkien jikkontribwixxu għall-proċess ta’ dekarbonizazzjoni, ibiddlu r-rotta tal-pajjiżi rispettivi tagħhom ħalli jipprevjenu t-tisħin globali u l-estinzjoni tal-ħajja fuq il-pjaneta tagħna.

“It-trasformazzjoni tal-mudell ekonomiku tagħna f’wieħed iktar newtrali klimatikament, iwassalna biex inkunu minn ta’ quddiem bħala nazzjon li jmexxi stati żgħar oħra bħal tagħna, billi naqsmu l-esperjenzi, niddiskutu l-għażliet li għandna quddiemna, intejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna biex nibqgħu kompetittivi u reżiljenti.”

'Intenni l-istess appell – il-bżonn li nieħdu t-tilqima'

Intant il-Prim Ministru ħeġġeġ lil "dik il-minoranza" li għadha ma ħaditx il-vaċċin biex tagħmel dan u fakkar li minn xhur ilu ‘l hawn bħala pajjiż konna kapaċi li nnaqsu ftit ftit ir-restrizzjonijiet "mingħajr sa issa qatt ma kellna mmorru lura." 

Appella lil kulħadd biex la jibda jirċievi l-appuntament tal-booster imur jieħu wkoll it-tilqima tal-booster.

Fil-fatt il-pandemija kienet tema oħra li qamet madwar il-mejda tal-Kunsill Ewropew. Abela qal li tagħtik sodisfazzjon meta tkun tista’ tgħid kemm konna kompetenti bħala pajjiż biex ksibna l-vaċċin, iżda wkoll kemm ikkopera l-pubbliku fit-teħid tal-vaċċin.

"Pero’ fit-triq għan-normalità, fejn irilaxxajna l-miżuri ftit, ftit u sa issa qatt ma morna lura, m’għandniex niqfu nkunu responsabbli u nieħdu ħsieb xulxin.”

More in Politika