Tħabbira ta' elezzjoni imminenti? Il-PM għandu ċans sa nhar it-Tlieta biex isejjaħ elezzjoni f'Novembru

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu ċans sa nhar it-Tlieta 26 ta' Ottubru biex isejjaħ elezzjoni għas-27 ta' Novembru 

Illum u fil-ġranet li ġejjin għajnejn kulħadd se jkunu fuq Kastilja hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela, ilbieraħ, ħalla miftuħa l-possibbilità li jsejjaħ Elezzjoni Ġenerali bikrija f'Novembru.

Dan wara li fir-replika tiegħu għall-Baġit, Abela saħaq li huwa f'idejn il-poplu biex jiddeċiedi jekk il-Baġit li ressaq il-Gvern ikunx implimentat.

Madanakollu, aktar tard, f'kummenti mal-ġurnalisti, reġa' tefa' dubji fuq id-data tal-elezzjoni meta tenna u speċifika li din il-leġislatura fadlilha sa Ġunju u allura huwa ovvju li biex il-Baġit ikun implimentat kollu, hemm bżonn il-mandant tal-poplu.

Minkejja dan baqa' ma ċaħadx elezzjoni bikrija f'Novembru. Qal biss li l-elezzjoni tissejjaħ biss meta jkun fl-interess tal-poplu.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru tilef opportunità li jsejjaħ elezzjoni għas-Sibt 20 ta' Novembru. Dan għax skont il-liġi elettorali, Prim Ministru jista' jsejjaħ elezzjoni ġenerali meta jrid iżda hemm minimu ta' 33 jum bejn il-ġurnata li fiha jiġi xolt il-Parlament u d-data tal-elezzjoni.

Dan ifisser li ġaladarba l-Prim Ministru lbieraħ ma baqax sejjer San Anton għand il-President biex jitolbu jxolji l-Parlament, tilef iċ-ċans ta' elezzjoni fl-20 ta' Novembru.

Iżda l-Prim Ministru għadu fiċ-ċans li jsejjaħ l-elezzjoni għax-xahar id-dieħel. Fil-fatt, il-Prim Ministru għandu ċans sa nhar it-Tlieta 26 ta' Ottubru biex isejjaħ Elezzjoni Ġenerali għas-27 ta' Novembru.

Hu mifhum li Diċembru mhux qed ikun ikkunsidrat anke għax dan huwa xahar importanti ħafna għan-negozju minħabba l-Milied. Id-data tas-27 ta' Novembru wkoll qed tkun meqjusa tard wisq, anke għax Diċembru se jkun minsus bilfors meta wieħed iqis li jkun irid isir il-ġurament tal-Prim Ministru, il-ħatra u l-ġurament tal-Kabinett u anke l-ftuħ tal-Parlament.

Ta' min ifakkar ukoll li jekk il-Prim Ministru jsejjaħ l-elezzjoni għax-xahar id-dieħel, se jkun ifisser li l-Baġit mhux se jkun approvat fl-istadji kollha tiegħu hekk kif jieqfu ħesrem id-dibattitu fuq l-estimi ministerjali li mistennija jibdew dalgħodu.

More in Politika