Il-VCA tipproponi li sal-2030 fil-Belt jidħlu biss vetturi li jaħdmu bl-elettriku

Tipproponi wkoll li minn sentejn oħra l-vetturi li joffru servizzi fil-Belt ikunu elettriċi u anke biex jiżdiedu ż-żoni pedonali

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) qed tipproponi li sal-2030, fil-Belt Kapitali jidħlu biss vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Din kienet waħda mill-proposti li l-VCA qed tagħmel lill-Gvern għall-Baġit 2022. 

“Wara s-suċċess tar-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-Belt Valletta u l-legat tal-Valletta 2018 permezz tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta issa jmiss il-viżjoni fit-tul għal belt aktar nadifa, aktar imħaddra u li toffri kwalità ta’ ħajja mill-aħjar għall-komunitajiet u għal min iżurha,” qalet fi stqarrija l-Aġenzija.

Il-VCA qed tisħaq li l-viżjoni tagħha għall-Belt Valletta sas-sena 2030 hija ffokata fuq it-titjib ambjentali. L-għan ewlieni huwa li jkun hemm belt iżjed imħaddra, b’inqas tniġġis u b’inqas karozzi. 

Insistiet li wieħed jista’ jħares lejn il-Valletta Design Cluster li, fi kliemha, kien ta’ suċċess kbir f’termini ta’ kif tista’ tiġi żviluppata binja sostenibbli għall-ibliet imħaddra ta’ għada.

Apparti minn hekk, il-VCA qed tipproponi wkoll li:

  • Il-Gvern jagħti inċentivi u jħeġġeġ lill-komunitajiet, lill-ħwienet, lin-negozji u lill-binijiet tal-Gvern fil-Belt Valletta sabiex jeqilbu għal enerġija solari;
  • Sal-2023, il-vetturi kollha li jipprovdu servizzi fil-Belt Valletta, inkluż dawk li jiġbru l-iskart, dawk li jagħtu servizz lill-industrija tal-ospitalità fil-Belt, u oħrajn, għandhom ikunu jaħdmu kollha bl-elettriku u jkunu kollha tal-istess qies;
  • Sal-2023, is-servizzi kollha fil-Belt Valletta, inklużi vetturi tal-kunsinna, għandhom ikunu provduti fi ġranet u ħinijiet speċifiċi fil-ġimgħa skont skeda maqbula mas-sidien ikkonċernati;
  • Sal-2025, il-Belt Valletta għandu jkollha numru ta’ ġonna fuq il-bjut ta’ binijiet storiċi bħall-iSpazju Kreattiv, il-Parlament u binjiet oħra tal-Gvern bħall-Bereġ, li fihom jinsabu ħafna mill-Ministeri;
  • Sa mill-2030, permessi ġodda għal lukandi, appartamenti, ristoranti u postijiet oħra ta’ divertiment jingħataw biss lil dawk li ma jagħmlu ebda ħsara lill-ambjent; u
  • għandhom jiġu kkunsidrati iżjed żoni u pjazez pedonali, l-aktar il-partijiet ta’ Triq San Kristoforu u Triq l-Arċisqof mill-Għassa tal-Pulizija tal-Belt attwali sal-Palazz tal-Isqof għall-Pjazza tal-Indipendenza, inkluż il-Pjazza nniffisha quddiem il-Pro-Katidral ta’ San Pawl.

Ipproponiet ukoll li l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta tiġi rilokata f’post aħjar u iżjed ċentralizzat, jiġifieri f’Misraħ il-Ħelsien li, fi kliem l-Aġenzija, attwalment huwa wieħed mill-iżjed postijiet mitluqa fil-Belt.

Appellat ukoll lill-Gvern biex jirriġenera dan il-binji spazjuż fid-daħla tal-Belt, li huwa tal-Gvern stess u li għandu bżonn jiġi rriġenerat.

More in Politika