Għall-ewwel darba fl-istorja se jittieħdu passi sabiex jiġu indirizzati l-21 każ ta’ ksur potenzjali tar-regoli tas-sajd li affetwaw negattivament is-sajjieda Maltin. Madankollu, il-MPE Laburist Thomas Bajada qed jgħid li dan kien frott ix-xogħol tiegħu, u l-MPE Nazzjonalist Peter Agius qed jgħid li dan kien kollhu s-saħħa tiegħu u ta' Alex Borg.
F'komunikat li ntbagħtet nhar il-Ħadd wara nofsinhar mingħand il-Partit Laburista, Bajada qal li kien qed imexxi d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew waqt il-laqgħa annwali tal-General Fisheries Commission for the Mediterranean (GFCM) fejn qal li "wara xhur ta' djalogu u pressjonijiet diplomatiċi," it-Tuneżija ħadet passi kontra s-sajjieda Tuneżini li kienu qed jagħmlu ħsara, inkluż il-vapur 'Sonia' li tpoġġa fuq lista internazzjonali ta' bastimenti suspettati b'sajd illegali.
Bajada qal li din il-proposta saret wara rapporti diretti minn sajjieda Maltin li hu ressaq f'isimhom flimkein mar-rapport uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sajd, ħidma li ilha għaddejja minn Settembru tal-2024.
Dan filwaqt li nhar it-Tnejn wara nofsinhar, il-PN bgħat stqarrija fejn ħa l-prosit ta' dan ix-xogħol. Din l-istqarrija qalet li l-azzjoni legali kontra s-sajjieda Tuneżini ttieħded wara li kien propju Agius li ressaq din il-kwistjoni fuq livell Ewropew, filwaqt li kien ilu jaħdem fuqha mill-2018. Kwistjoni li tresqet ukoll għall-attenzjoni tal-Kummissarju Ewropew għas-Sajd Kostas Kadis ix-xahar li għadda minn Alex Borg u Peter Agius.
"Dan hu xhieda li l-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni qed jagħmel id-differenza, din id-darba fix-xogħol u b’risq l-għajxien tas-sajjieda Maltin u Għawdxin," ikkonkludiet l-istqarrija