Delia jgħid li se jkollu jħalli Malta wara theddid minn kriminali 'fil-ħabs u barra'

L-attivist u l-blogger Manuel Delia jisħaq li qed jirċievi telefonati u anke messaġġi matul il-lejl

L-attivist u l-blogger Manuel Delia ħabbar li se jkun qed iħalli Malta minħabba tħassib dwar is-sigurtà wara li rċieva diversi theddid għal ħajtu minn persuni anonimi.

L-aħbar kienet irrapportata fuq is-sit Taljan Articolo21 li tkellem ma’ Delia. Skont dan l-artiklu, Delia se jkollu jħalli Malta u jħalli warajh ukoll il-familja u t-tfal.

L-istess artiklu jgħid ukoll li ċ-Ċentru Ewropew għall-Istampa u anke l-Libertà tal-Midja se jkun qed jgħinu jgħix “f’post sigur” sakemm l-affarijiet jirritornaw għan-normal.

Il-Ħamis filgħodu, Delia kkonferma din l-aħbar fuq il-blog tiegħu waqt li insista li mhux se jkun qiegħed jieqaf jikteb.

Qal biss li se jitlaq mill-pajjiż biex ikun jista’ jiffoka aħjar fuq ix-xogħol tiegħu mingħajr ma jkollu jħabbat wiċċu ma’ telefonati anonimi matul il-lejl.

Insista li dan it-theddid mhux qed jirċevih hu biss.

“Hemm ġurnalisti, attivisti, avukati u anke uffiċjali tal-Istat li jinsabu taħt pressjoni kbira bħalissa u anke huma għandhom ikunu mħassba,” insista. 

Fl-istess intervista, Delia qal li qed ikun mhedded minn kriminali, “kemm mill-ħabs u anke minn barra” u fi kliemu dawn qed ikunu mħeġġa “mill-partit li jmexxi lil Malta.”

F’kummenti ma’ MaltaToday, Delia qal li qed jirċievi messaġġi mingħand numri anonomi u anke min-numru bbażat f’Miami.

'Robert Abela: jekk jiġri xi ħaġa lili jew lil wieħed minn sħabi, int responsabbli minn issa​'

Intant, f'kummenti iebes fuq Facebook, id-Deputat Jason Azzopardi insista li Delia mhuwiex waħdu u hemm persuni oħra li qed jirċievu theddid serju.

"Ir-responsabbilità hija tal-Gvern, prinċipalment ta' Robert Abela li ma jridx (u ma jistax) jinfatam mill-wirt ta' qablu għax obbligat lejh. Int Robert Abela lanqas biss, mank, kellek id-diċenza li timplimenta waħda minn dak li qalu t-tliet Imhallfin fl-Inkjesta Pubblika. Imma l-basket mimli ewro mingħand Agius irċevejtu hux (referenza għal tal-Maksar), ftit snin ilu? Possibbli ma kontx taf minn fejn kienu ġejjin flushom. Sa magna li tgħodd l-ewro, bħal tal-banek, kellhom id-dar il-klijenti tiegħek," insista.

Saħansitra qal li l-Ministru għall-Intern għadu jżur id-dar ta' Joseph Muscat kważi kull ġimgħa biex jaraw il-logħob tal-football Taljan flimkien.

"Dak huwa l-istess Ministru tal-Intern li jiffirma l-warrants tas-Servizzi tas-Sigurtà biex ikunu interċettati ċertu telefonati jew messaġġi. Lanqas biss tgħaddili mill-antiporta ta' moħħi li jaħħornah dwar fejn waslu ċertu investigazzjonijiet. Hux veru, Ministru? Ngħid sew hux hekk, li qatt ma tkellimt miegħu fuq ċertu xogħol?," kompla jistaqsi u jallega Jason Azzopardi.

Insista li anke qed ibati u mhux faċli għalih, mhux se jiskot jew jieqaf jitkellem fuq is-sewwa.

"Robert Abela: jekk jiġri xi ħaġa lili jew lil wieħed minn sħabi, int responsabbli minn issa," temm jikteb Azzopardi.

'Hemm nies perikolużi hemm barra li huma lesti joqtlu lill-ġurnalisti'

Intant, fi stqarrija, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) hu imħasseb ħafna għall-fatt li Manuel Delia se jkollu jħalli Malta minħabba theddid.

“Mhu kompitu ta’ ħadd li jiġġudika jekk din il-biża’ hijix ġustifikata jew le. L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ittrawmatizza l-industrija tal-midja f’Malta u bħala ġurnalisti naħdmu kuljum bl-għarfien li hemm nies perikolużi hemm barra li huma lesti li joqtlu lill-ġurnalisti,” insistiet l-istqarrija. “Dik il-ferita se tibqa’ sakemm il-ġustizzja ssir b’mod sħiħ.”

L-IĠM insista li anke jekk ix-xogħol tal-ġurnalisti għandu jkun suġġett għall-kritika u skrutinju, hemm linji ta’ diċenza bażika umana li qatt m’għandha tinqabeż. Saħaq li bħal kull persuna oħra, il-ġurnalisti għandhom id-dritt u r-responsabbiltà li jiżguraw li huma u l-familji tagħhom huma sikuri. 

L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ittrawmatizza l-industrija tal-midja f’Malta u bħala ġurnalisti naħdmu kuljum bl-għarfien li hemm nies perikolużi hemm barra li huma lesti li joqtlu lill-ġurnalisti IĠM

“Iktar mal-ambjent li jaħdmu fih ikun tossiku u perikoluż, iktar jiżdied ir-riskju li ġurnalisti jiddeċiedu li jitilqu mill-professjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, il-vittma vera tkun is-soċjetà Maltija għax id-dritt għall-informazzjoni jkun imxekkel,” kompla l-Istitut.

L-IĠM temm iħeġġeġ lill-pulizija biex tinvestiga bis-sħiħ it-theddid li qed jirċievi Delia u talab ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela u kulmin għandu sehem fit-tmexxija tad-demokrazija biex pubblikament jikkundannaw dan l-aġir.

More in Politika