Il-GTA tilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni ta' servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex

'Dawn huma kollha passi sinifikanti lejn il-konnettività bejn il-gżejjer u jżidu aktar titjib għall-aċċessibilità ta' Għawdex'

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) laqgħet dak li hi sejħet bħalha "l-impenn tal-Gvern lejn aktar konnettività għal Għawdex" permezz tal-introduzzjoni ta' servizz bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer. Dan filwaqt li faħħret lill-Gvern dwar kif din l-infrastruttura se ssir "b'mod sostenibbli" billi ma tieħu l-ebda art agrikola.

Intant, l-assoċjazzjoni qalet li tifhem bis-sħiħ u hija konxja li dan il-proġett mhux biss iservi Għawdex permezz ta' konnettività aħjar, iżda se jkun il-katalist għall-ħolqien ta' niċeċ ġodda u attivitajiet ekonomiċi ġodda. 

Il-GTA laqgħet wkoll b’sodisfazzjon l-aħbar tal-Prim Ministru li l-Gvern qed ifittex li jintroduċi r-raba' bastiment ġdid tal-Gozo Channel li se jkun aktar favur l-ambjent u b’emissjonijiet aktar baxxi.

"Dawn huma kollha passi sinifikanti lejn il-konnettività bejn il-gżejjer u jżidu aktar titjib għall-aċċessibilità ta' Għawdex. "

Tajjeb ngħidu li l-linja tal-ajru kienet ġiet proposta mill-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat fl-istess żmien li tnieda s-servizz tal-fast ferry, lura f'Ġunju, f'intervista mal-gazzetta ILLUM.

Id-dikjarazzjoni għal-linja tal-ajru bejn Malta u Għawdex, ġiet mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar jeim li għaddew f’Għajnsielem. 

More in Politika