‘Wara l-fast ferry il-pass li jmiss huwa s-servizz b’ajruplan bejn l-Ajruport u Għawdex’

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu jisħaq li servizz bl-ajru, flimkien mal-fast ferry u r-raba’ vapur ikun ifisser qabża kbira għall-konnettività bejn il-gżejjer

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA), Joe Muscat, saħaq mal-gazzetta ILLUM li wara l-introduzzjoni tas-servizz tal-fast ferry bejn il-Belt Valletta u l-Imġarr, il-pass li jmiss issa huwa servizz bl-ajru bejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-gżira Għawdxija bil-għan li tkompli tissaħħaħ il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.

Muscat insista mal-gazzetta ILLUM li bħalma kien hemm ir-rieda politika li jitwaqqaf is-servizz tal-fast ferry, jekk ikun hemm ir-rieda politika, anke dan is-servizz bl-ajru jseħħ.

Mistoqsi eżatt x’qed tipproponi l-GTA, Muscat insista li mhux qed jirreferu għas-servizz tal-ħelikopter li kien għoli wisq u li żgur qatt ma seta’ jkun vijabbli. 

Spjega kif l-Assoċjazzjoni ilha snin tisħaq li għandu jkun hemm servizz ta’ ajruplan żgħir, li jkun jiflaħ iġorr 20 passiġġier u l-bagalji tagħhom u li jgħaqqad direttament lil Għawdex mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Insista li dan is-servizz bl-ajru, flimkien mas-servizz tal-fast ferry u tar-raba’ vapur li qiegħed jopera wkoll, ikun ifisser qabża kbira għall-konnettività bejn il-gżejjer.

“Ejjew ngħidu li hija realtà li l-mina se tkun qed issir fl-għaxar snin li ġejjin, sadanittant se noqogħdu nittewbu? Dawn huma soluzzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati issa jew fil-futur qrib u jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tal-Għawdxin u għas-settur turistiku f’Għawdex,” insista Muscat.

Saħaq li mhux qed jippretendu li f’Għawdex ikun hemm ajruport, iżda sempliċiment runway biżżejjed għal dan it-tip ta’ ajruplan. Mistoqsi jekk dwar dan sarux studji, Muscat wieġeb fil-pożittiv.

Mistoqsi wkoll jekk ikunx vijabbli, Muscat irrefera għal dak li għamel il-Gvern fil-każ tal-fast ferry, fejn filwaqt li offra l-infrastruttura neċessarja, illiberalizza s-servizz u ma ħallihx f’idejn il-Gozo Channel, imma f’idejn l-operaturi li lest jidħlu għal dan l-investiment.

“Ir-riskju ħallih f’idejn il-privat li kien lest jidħol għalih,” insista.

Saħaq li l-GTA minn dejjem emmnet u dejjem saħqet dwar l-importanza li jkun hemm mezzi differenti ta’ konnettività bejn il-gżejjer.

“Jekk destinazzjoni ma tkunx konnessa tajjeb mal-art prinċipali, f’dan il-każ gżira oħra, allura hemm problema,” kompla jisħaq Muscat.

Fast Ferry: ‘Huwa ċar li l-operaturi żammew quddiemhom għajnejhom lil Għawdxin’

L-ILLUM tkellmet ma’ Muscat dwar is-servizz tal-fast ferry, il-prezzijiet u anke l-fatt li abbord il-katamarani mhux se jkunu qed jittellgħu vetturi. Dan jagħmel is-servizz vijabbli?

Muscat ftit li xejn deher inkwetat dwar dan. Għall-kuntrarju saħaq li kemm mill-prezzijiet li tħabbru miż-żewġ kumpaniji li se joffru dan is-servizz u anke mill-iskeda, jidher biċ-ċar li l-operaturi żammew quddiem għajnejhom lill-Għawdxin.

Fakkar kif hemm aktar minn 3,000 ħaddiem Għawdxi u anke ‘l fuq minn 1,200 student li kuljum ikollhom jaqsmu għal Malta. Insista li prezzijiet orħos għall-Għawdxin u ħinijiet aktar frekwenti tas-servizz kmieni filgħodu u tard waranofsinhar, jikkonfermaw li l-aspett soċjali tal-Għawdxin ingħata prijorità.

Tal-istess fehma kienu l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u anke l-GUG, il-Grupp li jirrappreżenta lill-istudenti universitarji Għawdxin. 

‘Opportunità għal swieq ġodda ta’ turiżmu...’

Bħala Kap Eżekuttiv tal-GTA, ma setax jonqos li Muscat jirrifletti dwar l-impatt fuq it-turiżmu f’Għawdex. Insista li s-servizz ta’ fast ferry jista’ joffri opportunità għal swieq ġodda, fosthom biex Għawdex jattira aktar “il-viżitaturi tal-ġurnata,” inkluż dawk it-turisti li jiġu Malta bil-cruiseliners.

Apparti dawn, fakkar li ħafna turisti llum qed jagħżlu akkomodazzjoni fil-Belt Valletta, Tas-Sliema u l-Kottonera. “Ma tridx tara l-fast ferry waħdu. Hemm ukoll il-laneċ bejn il-Kottonera, il-Belt u Tas-Sliema u l-lift tal-Barrakka,” kompla jisħaq.

Insista li l-viżitaturi tal-ġurnata huma importanti anke għar-reklamar tal-gżira, għax ikun hemm turisti li wara li jqattgħu ġurnata f’Għawdex, jagħżlu li jerġgħu jirritornaw darb’oħra għal btala itwal.

Qal li f’sena normali, mingħajr pandemija, Għawdex ikollu madwar 1.3 miljun viżitatur tal-ġurnata li sal-lum jużaw biss il-Gozo Channel. “Issa jistgħu jibdew jużaw dan is-servizz ukoll,” kompla jisħaq.

‘Biex turist jitla’ ċ-Ċirkewwa xorta jrid iħallas...’

Mistoqsi jekk it-turist hux se jaqbillu, anke għax il-prezzijiet għalihom u l-Maltin huma aktar għolja, Muscat fakkar li biex turist jitla’ ċ-Ċirkewwa xorta jrid iħallas għat-trasport pubbliku jew taxi. 

Apparti l-flus, kompla jisħaq, fi tliet kwarti, mill-Belt se tasal Għawdex. Biex mill-Belt titla’ saċ-Ċirkewwa, għandek minn tal-inqas tliet kwarti u mbagħad ikun għad fadal il-vapur.

“Nittamaw li dan kollu se joħloq tip ġdid ta’ viżitatur li se jasal lejn Għawdex b’mod aktar faċli,” temm jisħaq.

More in Politika