L-infermiera jisħqu li l-kwarantina obbligatorja f'lukanda hija 'kastig inaċċettabbli'

L-MUMN qed takkuża lill-awtoritajiet b'insensittività u qed titlob lill-Prim Ministru biex jordna li din il-miżura titneħħa immedjatament għal min għandu residenza f'Malta

Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li l-miżura dwar kwarantina obbligatorja f'lukanda hija sempliċiment "kastig" u mhijiex aċċettabbli.

L-MUMN qalet dan fi stqarrija wara rapporti li diversi persuni, inkluż residenti Maltin li għandhom proprjetà f'Malta, qed ikunu kostretti xorta waħda jagħmlu kwarantina f'lukanda meta jirritornaw lura minn pajjiżi meqjusa mhux siguri għas-safar, jiġifieri dawk fil-lista 'dark red.'

"Huwa evidenti li din mhijiex miżura kontra l-Covid-19 imma kastig għal dak li jsiefru lejn pajjiż f'din il-lista," saħqet l-MUMN. Insistiet li miżuri bħal dawnn mhumiex aċċettabbli mhux biss għax dan qed jheddu l-libertà tal-persuna imma anke għax jinjoraw il-fatt li jkun hemm persuni li jkollhom isiefru mhux biss għall-pjaċir imma għax bżonn.

Fakkru li anke persuni bi bżonnijiet speċjali kienu kostretti jagħmlu kwarantina f'lukanda. "Dan juri kemm l-awtoritajiet huma insensittivi," kompliet l-istqarrija.

Qalu wkoll kif minkejja li kull persuna qed tħallas €100 kuljum biex toqgħod fil-lukanda, is-servizz f'dawn il-lukandi mhuwiex aċċettabbli.

L-MUMN qalet li kellha tintervjeni meta infermier spiċċa maqful f'waħda minn dawn il-kmamar ma' martu u bintu, mingħajr internet u lanqas ikel.

"Dan biex ma nsemmux li meta talab ftit ħalib sħun għal bintu li għadha żgħira, dan dam sagħtejn biex twassal," kompliet l-istqarrija.

Kien hawn li l-MUMN qalet li dawn il-miżuri "jħammru wiċċ" il-pajjiż u appellat lill-Prim Ministru biex ibiddel l-avviż legali biex persuni li għandhom proprjetà f'Malta jkunu jistgħu jagħmlu kwarantina d-dar.

"Ċertu lukandi qed jagħmlu l-flus minn fuq persuni fqar li kellhom bilfors isiefru. Huwa ċar li s-Saħħa Pubblika marret lilhinn mid-doveri tagħha u qed toħloq tbatija għalxejn bħala kastig li llum mhuwiex aċċettabbli," temmet tgħid l-istqarrija. 

Aqra wkoll:

More in Politika