Il-PN jisħaq li l-Gvern għandu jagħti kumpens lil dawk li spiċċaw bla dawl

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-kelliema tal-PN insistew li l-Gvern tefa' lill-pajjiż f'sitwazzjoni ta' 'dlam u sħana'

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-inqas ħaġa li jista' jagħmel il-Gvern huwa li jagħti kumpens lil dawk li fl-aħħar jiem spiċċaw ta' spiss mingħajr elettriku.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Politika dwar l-Ilma u l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Ryan Callus u mill-kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali Mark Anthony Sammut u Rebekah Cilia.

Callus fakkar li l-Partit Laburista fis-sena 2013 tela’ bl-għajta li jirriġenera s-settur tal-enerġija.

"Wegħduna ħolma u minflok tawna inkubu. Illum tmien snin wara, minflok tefgħuna f’sitwazzjoni ta’ dlam u sħana. Din mhix il-wegħda li għamel il-Partit Laburista," saħaq Callus.

Fakkar li fi Frar li għadda, l-Partit Nazzjonalista ressaq il-proposti għall-Enerġija, inkluż investiment qawwi fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-enerġija biex jassigura sistema distributorja li hija suffiċjenti għall-bżonnijiet tal-lum. Insista li dakinhar il-Partit Laburista injora din il-proposta u naqas milli jimplimenta strateġija komuni bejn l-iżvilupp u d-distribuzzjoni.

Il-Kelliema fakkru li biex saret il-powerstation tal-Electrogas, infetħu kumpaniji l-Panama, saru garanziji bankarji riskjużi,"tfarrku l-istituzzjonjiet ta’ pajjiżna u fuq kollox inqatlet ġurnalista."

"Dan kollu biex ftit nies jieħdu €5,000 kuljum f’kumpaniji sigrieti u ma dan kollu l-ebda azzjoni għadha ma ttieħdet mill-Kummissarju tal-Pulizija fil-konfront ta’ Konrad Mizzi, il-ministru laburista li kien responsabbli minn dan kollu," insistew il-kelliema.

Insistew li għal dan kollu qed ibatu l-ħaddiema tal-Enemalta , l-anzjani, l-morda, trabi, tfal u ħafna oħrajn.

"Din mhix il-kwalitá tal-ħajja li jistħoqqilhom il-Maltin u l-Għawdxin  u għalhekk l-inqas li jista’ jagħmel il-Gvern hu li jagħti kumpens lil dawk milquta," insistew.

'Diskors partiġġjan bla soluzzjonijiet' - PL

Intant, il-Partit Laburista, f'reazzjoni insista li l-amministrazzjoni Nazzjonalista " ħalliet ċentri ta’ distribuzzjoni ġebel u saqaf mingħajr ebda tagħmir." Saħaq li kien Gvern Laburista li beda jindirizza għexieren ta’ snin mingħajr investiment serju fil-qasam tal-enerġija.

"F’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista reġa’ ħareġ ċar li l-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq pjan li mhu pjan xejn. Il-kelliem ta’ Bernard Grech fuq is-settur tal-enerġija, Ryan Callus, ma kienx kapaċi jgħid kemm jinvesti gvern nazzjonalista fis-sistema ta’ distribuzzjoni," saħqet l-istqarrija.

Il-PL saħaq illi li kieku kien għall-Partit Nazzjonalista, pajjiżna llum mhux qed ilaħħaq mad-domanda tal-elettriku għax  kien kontra l-bini ta’ power station ġdida. Minflok ried jibqa’ juża’ l-heavy fuel oil.

"Id-domanda għall-enerġija telgħet għal rekord ta’ 561MW u li kien għall-Partit Nazzjonalista, pajjiżna għadu bi provvista ta’ 350MW li ma tirrispondix għad-domanda, bir-riżultat li aktar minn terz ta’ Malta u Għawdex kienu jibqgħu bla dawl li għaddiet tal-partit ta’ Bernard Grech," kompla l-PL.

Insista li l-kredibilità  tinsab f’min kapaċi jwettaq.

"Fuq kollox, l-esperti tal-blackouts u l-qtugħ fil-provvista tad-dawl sajf u xitwa mhumiex kredibbli jitkellmu dwar l-enerġija. Speċjalment meta, fl-istess ħin meta kienu fil-gvern taw lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin l-ogħla kontijiet," temm jgħid il-PL.

More in Politika