L-Assistent Kummissarju Ian Abdilla sospiż mill-Korp tal-Pulizija

Ian Abdilla kien akkużat diversi drabi u kkritikat fuq il-mod kif aġixxa meta kellu f'idu allegazzonijiet serji ta' korruzzjoni li jirrigwardjaw uffiċjali għolja tal-Gvern u anke dwar il-kumpanija 17 Black

L-Assistent Kummissarju Ian Abdilla, li sa ftit tax-xhur ilu kien għadu jmexxi t-Taqsima tal-Pulizija għar-Reati Ekonomiċi, ġie sospiż mill-Korp tal-Pulizija u dan wara li spiċċa taħt skrutinju fuq il-mod kif hu aġixxa meta kellu quddiemu l-allegazzjonijiet dwar il-kumpanija 17 Black.

Ian Abdilla, li kien ukoll membru tal-FIAU, l-Aġenzija tal-Gvern li taħdem kontra l-Ħasil tal-Flus, kien akkużat ukoll li ma ħax azzjoni fuq evidenza ta' reati kriminali ekonimiċi kontra uffiċjali għolja fil-Gvern.

Kien sar magħruf ukoll li Abdilla kien iltaqa' mal-eks Chief of Staff ta' Kastilja, Keith Schembri meta beda jsir magħruf li l-FIAU kellha f'idha rapporti dwaru li jikkonċernaw suspetti ta' reati ekonomiċi.

Quddiem il-bord tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Caruana Galizia, Abdilla kien qal li kien Schembri stess li ċempillu u li hu kien tah il-parir biex jitkellem ma' avukat fuq ir-rapporti tal-FIAU li kienu spiċċaw f'idejn il-midja.

Sakemm kien għadu jmexxi hu t-Taqsima kontra r-Reati Finanzjarji, il-Pulizja dejjem qalet li ma kellha l-ebda evidenza biex tieħu passi kontra Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi, li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama u li dawn kienu marbuta mal-kumpanija ta' Yorgen Fenech, 17 Black.

More in Politika