Residenti Skalin jiktbu lill-Ministru għat-Turiżmu biex iwaqqaf il-Kompetizzjoni tad-Disinn

Ir-residenti qed jisħqu li din il-kompetizzjoni hija skuża biex isiru xogħlijiet li kienu ppjanati minn sottokumitat li waqqaf is-Sindku bil-moħbi

Ir-residenti ta’ Wied il-Għajn kitbu lill-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-Kompetizzjoni tad-Disinn tal-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) u l-pjanijiet ta’ ‘riġenerazzjoni’ tagħha. L-ittra ntbagħtet ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela, li jgħix Wied il-Għajn, u l-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia. Aqra l-ittra hawn.

Fl-ittra, ir-residenti jesprimu l-biża' tagħhom li l-Kompetizzjoni tad-Disinn tal-Awtorità tat-Turiżmu hija "skuża uffiċjali biex isiru xogħlijiet fi Ġnien Sant’ Anna u l-madwar."

Ir-residenti spjegaw kif dawn ix-xogħlijiet diġà ġew ippjanati minn sottokumitat li waqqaf is-sindku u li, għal iktar minn sentejn, iltaqa’ bil-moħbi biex jaħdem fuq bosta proposti għal Wied il-Għajn fi sħab ma’ Infrastruttura Malta u l-Awtorità tat-Turiżmu.

"Is-sottokumitat fassal pjanijiet li jservu interess ekonomiku speċifiku fiż-żona u li jisirqu mill-art ta’ kulħadd," jisħaqu r-residenti. Dan is-sottokumitat ixxolja wara li nstab jopera illegalment.

Minkejja dan, ir-residenti madanakollu qed jibżgħu li l-Kompetizzjoni tad-Disinn tal-l-Awtorità tat-Turiżmu issa qegħda hemm biex jitwettqu l-proposti għat-“titjib” tal-lokalità li ma jistax iwettaq is-sottokumitat.

Il-proposti jinkludi l-bini ta’ spazju tal-konkrit ġdid fuq in-naħa l-oħra tal-bajja, x’aktarx billi tittieħed iktar art mill-bajja ta’ Wied il-Għajn u b’konsegwenzi għadhom mhux magħrufa fuq l-ambjent.

Il-proposti tas-sottokumitat jinkludu wkoll li t-traffiku dieħel u ħiereġ minn Wied il-Għajn jibda jgħaddi minn taħt l-iskola u minn quddiem il-knisja parrokkjali, u b’hekk jesponi l-komunità, partikolarment it-tfal u l-anzjani, għal perikli tat-traffiku kbar.

Fid-dawl ta’ dan, ir-residenti ta’ Wied il-Għajn qed iħeġġu lill-Awtorità tat-Turiżmu twaqqaf minnufih din il-Komptezzjoni tad-Disinn u tniedi minflok perjodu twil ta’ konsultazzjoni mar-residenti ta’ kull età u stil ta’ ħajja dwar pjan olistiku għal Wied il-Għajn.

Aqra wkoll:

More in Politika