Tar-ristoranti u l-bars kuntenti imma n-nuqqas ta’ turisti qed jinħass ukoll

Kif sejrin tar-ristoranti? Il-Maltin qed jonfqu? X’jaħsbu dwar ir-restrizzjonijiet? L-ILLUM iżżur erba’ stabbilimenti

 

Kollha kuntenti għax sejrin aħjar mis-sena li għaddiet, iżda n-nuqqas ta’ turisti, jew turisti ta’ kwalità qed jinħass ukoll. Hemm min ilmenta wkoll li l-Maltin mhux qed jonfqu daqs qabel. Matul din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM żaret u tkellmet mas-sidien ta’ ristoranti, bars u snack bars dwar l-andament tax-xogħol, issa li ilhom ftit minn meta reġgħu fetħu.

Dan huwa dak li qalulna:

'Ix-xogħol għadu mhuwiex konsistenti ... għad ma hawnx turisti ta’ kwalità'

L-ILLUM bdiet titkellem mal-kok Alain James Grech, is-sid tar-ristorant Chef’s Table, f’Buġibba, li saħaq li x-xogħol għadu mhuwiex konsistenti.

“Ġieli jkolli ġranet fejn inkunu tajbin imma jiġu ġranet fejn kważi ma jkollna lil ħadd,” insista l-kok.

Madanakollu saħaq li s-sitwazzjoni hija ħafna aħjar mis-sena li għaddiet, għax fi kliemu, bħal dan iż-żmien, lanqas kienu għadhom bdew, kemm għax il-Maltin kienu jibżgħu u anke għax ftit li xejn kien hawn turisti.

Mistoqsi dwar it-turiżmu, Grech insista li għal ristoranti bħal tiegħu, it-turisti li qed jiġu, ftit li xejn jagħmlu differenza.

“Ma hawnx turisti ta’ kwalità. Qed jiġu ħafna studenti u żgħażagħ. Mhux se jonfqulek €40 jew €50 kull ras,” kompla jisħaq.

Madanakollu qed jittama li l-affarijiet jibdew jinbidlu, għax fi kliemu, aktar ma jiżdiedu l-bookings, aktar se jogħlew il-prezzijiet tal-lukandi u għalhekk aktar hemm ċans li jkunu attirati turisti ta’ kwalità.

Mistoqsi wkoll dwar il-vouchers, Grech saħaq li qed jintużaw imma “mhux bis-saħħa tas-sena li għaddiet.” Insista li jittama li dawn ikunu qed jintużaw matul is-sajf, hekk kif din is-sena għandhom ċans sal-aħħar ta’ Settembru biex jissarfu.

Fl-aħħarnett, l-ILLUM staqsiet lil Grech jekk jaħsibx li r-restrizzjonijiet fir-ristoranti għandhomx jibqgħu fis-seħħ, partikolarment il-limitu ta’ sitt persuni fuq l-imwejjed.

“Jiena personalment ma naqbilx magħhom. Tmur is-supermarket, jew l-ajruport, jew l-isptar kullimkien ippakkjat, imbagħad f’ristorant bir-restrizzjonijiet,” saħaq Grech. Kien hawn li temm jisħaq ukoll li anke jekk il-każi żdiedu xi ftit minn dawk tal-aħħar ġimgħat, kollox jindika li t-tilqim qed jaħdem għax mhux jiżdiedu l-pazjenti fl-isptarijiet. 

Alain James Grech
Alain James Grech

 

‘Sejrin tajjeb imma qed nonfqu aktar...’

Minn Buġibba nżilna Marsaxlokk u ltqajna mal-futboler Justin Haber, li huwa sid ta’ żewġ ristoranti, Haber 16 u Pitch 16. Fil-każ tar-ristorant Haber 16, li kien saħansitra spiċċa fuq Netflix, Haber saħaq li sejjer tajjeb, partikolarment fil-weekends, anke għax għandu l-klijentela tiegħu. Anke Pitch 16 jidher li sejjer tajjeb, b’Haber jisħaq li l-Euro għenet ftit mhux ħażin. 

“Kuntent. Ħafna aħjar mis-sena li għaddiet,” insista Haber waqt li spjega kif ftit wara li fetaħ ir-ristorant Haber 16, minħabba l-pandemija, kellu jagħlaq kollox.

Madanakollu saħaq li qed jinkwetah il-fatt li l-prodotti essenzjali, bħalma huma ċ-chips, iż-żejt u x-xorb qed jogħlew. Anke l-laħam. Fi kliemu, fl-aħħar jiem, ribeye jew tagliata żdiedet bejn €2 u €3 kull kilo.

“Mhux se żżid il-prezzijiet għax ma tridx titfa’ l-piż fuq il-klijenti,” insista Haber waqt li saħaq ukoll, bħalma qalu sidien oħra, li hemm min qed jonfoq inqas minn qabel. “Jekk qabel kienu jieħdu żewġ fliexken inbid, illum jieħdu wieħed.”

Apparti minn hekk, Haber insista li qed isir dejjem iżjed diffiċli biex wieħed isib impjegati. “Mhux faċli u nappella lill-klijenti biex jifhmuna jekk jistennew ftit aktar mis-soltu biex ikunu servuti. Irridu noffru l-istess kwalità,” insista.

Mistoqsi wkoll dwar ir-restrizzjonijiet u jekk jaqbilx li jibqgħu fis-seħħ, Haber insista li l-fatt li ħafna huma mlaqqma u l-każi baqgħu taħt kontroll, jistgħu jiġu rrilaxxati ftit aktar miżuri.

Madanakollu qal wkoll li jifhem u jaqbel mal-kawtela, għax fi kliemu, “jekk ikollna nerġgħu nagħlqu, is-sitwazzjoni se tkun traġika.” Filwaqt li insista li l-għajnuna u l-vouchers għenu immens, ma hemm xejn li jieħu post il-fatt li ristorant ikun miftuħ u jilqa’ l-klijenti. 

Justin Haber
Justin Haber

 

‘Il-Maltin qed joħorġu imma mhux qed jonfqu daqs qabel’
 

Tal-istess fehma kien Keith Zammit, is-sid ta’ Salena’S, bar u ristorant li jinsab fi Strada Stretta. Mistoqsi dwar l-andament tax-xogħol, Zammit insista li x-xogħol ma għandu xejn x’jaqsam maż-żmien normali ta’ qabel il-pandemija, iżda almenu huwa xi ftit aħjar minn dak tas-sena li għaddiet.

Zammit insista li n-nuqqas ta’ turisti qed jinħass iżda insista wkoll li l-Maltin, anke jekk qed joħorġu, qed jibqgħu ftit lura fejn jidħlu l-flus.

“Kien hawn min naqsitlu l-paga jew inkella tilef ix-xogħol. Jiġu imma mhux jonfqu daqs qabel. Joħdulek drink u platter bejn tnejn,” insista.

Fejn jidħlu t-turisti, Zammit insista li l-Belt qalgħet daqqa ta’ ħarta kbira. 

L-ILLUM staqsietu wkoll dwar il-vouchers, b’Zammit, bħal Alain James Grech ukoll jinsisti li qed jintużaw iżda jisħaq ukoll li mhux bl-istess saħħa tas-sena li għaddiet.

Dwar ir-restrizzjonijiet, Zammit ukoll saħaq li “ma jagħmilx sens” li dawn jibqgħu fis-seħħ kif inhuma, meta l-maġġoranza tal-popolazzjoni hija hija mlaqqma, anke biż-żewġ dożi.

“Aħna l-istabbilimenti fil-Belt huma żgħar ħafna. Ġewwa jiena tliet imwejjed biss nista’ ndaħħal,” insista. “Għalija dan ma jagħmilx sens.”

 

Keith Zammit
Keith Zammit

‘Ħafna aħjar minn meta lanqas stajna nservu flixkun birra’

Mill-Belt Valletta, l-ILLUM marret San Ġiljan, għand Tony’s Snack Bar u tkellmek ma’ Sera Baldachinno. Minkejja li hemm differenza kbira bejn ix-xogħol ta’ bħalissa u ta’ qabel il-pandemija, Baldacchino saħqet li jinsabu ħafna aħjar miż-żmien meta setgħu jservu biss takeaway jew inkella minn meta lanqas setgħu jservu flixkun birra.

Madanakollu, Baldacchino insistiet li għadhom qed iħossu n-nuqqas tat-turisti, anke għax is-soltu, peress li huma jinsabu fil-qalba ta’ San Ġiljan, kien ikollhom diversi turisti li jieqfu għandhom biex jieklu xi ħaġa ħafifa.

Qalet ukoll li s-sena l-oħra, għal dan in-negozju tal-familja, kienet l-agħar sena. Anke meta kienu miftuħa, in-nies kienu għadhom qed jibżgħu joħorġu. Din id-darba differenti u mhux fis-sajf biss, iżda anke fix-xhur ta’ qabel, għax fi kliemha, in-nies iddejqu u bdew joħorġu. Insistiet ukoll li meta ma setgħux jiftħu filgħaxija batew ukoll.

“Minn filgħodu mhux se ddaħħal ħafna. Jekk tieħu kafè jew flixkun birra u ftira, mhux se tonfoq ħafna. Filgħaxija l-kont jitla’ aktar, għax dak li jkun jintefa’ bilqiegħda jieħdu erba’ drinks,” insistiet. “Anke jekk għadna qed naħdmu b’inqas nies, din is-sena hija differenti.”

Baldacchino qalet ukoll li l-Euro kienet ‘bonus’ għax għenithom ukoll. 

Insistiet li għalkemm is-sitwazzjoni hija diffiċli, kemm il-vouchers u anke l-għajnuna li offra l-Gvern għenet ħafna.

Mistoqsija dwar ir-restrizzjonijiet, Baldacchino qalet insistiet li issa, li ħafna nies ħadu l-vaċċin, dawn għandhom jonqsu. “F’sitwazzjoni normali, fuq barra aħna sa 16-il persuna nistgħu ndaħħlu. Bħalissa nistgħu nakkomodaw biss disa’,” temmet tgħid. 

Sera Baldacchino
Sera Baldacchino

More in Politika