Joħroġ l-aħħar trakk mill-impjant tal-fjuwil ta' Birżebbuġa ... wara Diċembru jibda jiżżarma

L-impjant jingħalaq illum imma se jibqa' fuq cold standby sakemm ikun aċċertat li dak f'Ħas Saptan jiffunzjona b'mod tajjeb 

Il-grada magħluqa tal-impjant f'Birżebbuġa
Il-grada magħluqa tal-impjant f'Birżebbuġa

Illum ingħalaq b'mod uffiċjali l-impjant tat-tankijiet tal-fjuwil tal-31 ta' Marzu 1979 u ħareġ l-aħħar trakk minn dan il-post, li għal snin kien ġerħa, għall-lokalità ta' Birżebbuġa u r-residenti li jgħixu fit-toroq tal-madwar. Dan il-proġett ta' €70 miljun se jara kollox jiċċaqlaq għal Ħas Saptan, liema impjant jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu u se jkun inawgurat fix-xhur li ġejjin. 

Dan ħabbritu l-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli li spjegat kif sa Diċembru li ġej dan l-impjant jibqa' f'cold stand by, sakemm ikun aċċertat li kollox qed jaħdem tajjeb fl-impjant il-ġdid f'Ħas Saptan. Wara jibda ż-żarmar għal kollox tat-tankijiet. "Dan se jfisser 44 vjaġġ ta' trakkijiet inqas f'Birżebbuġa - li huwa wkoll inqas pressjoni fuq l-infrastruttura ta' Birżebbuġa u inqas tniġġiż," sostniet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Dalli tindirizza l-konferenza
Il-Ministru Dalli tindirizza l-konferenza

Hija qalet li l-Gvern qed iħares lejn użu ta' art li jkun ta' ġid għall-komunità ta' Birżebbuġa, meta mistoqsija dwar dan minn ġurnalisti preżenti. Minkejja dan ma kkommettietx ruħha għal dak li jista' jkun il-post wara t-tneħħija kompleta ta' dan l-impjant.

"Din hija wegħda li qed inwettqu, li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, speċjalment wara li dawn in-naħiet ġew industrijalizzatti - dan il-proġett huwa parti minn proġett akbar biex inkomplu nirriġeneraw lin-naħa ta' isfel ta' pajjiżna."

Kien fil-fatt fl-2017 li l-eks PM Joseph Muscat flimkien mal-eks Ministru Konrad Mizzi ħabbru l-bidu tal-iżżarmar ta' dan l-impjant bit-tneħħija tal-eqdem tank.

 

More in Politika