Il-pajjiżi li għadhom lura fit-tilqim jissieltu kontra l-effetti tad-Delta

L-adoloxxenti u ż-żgħażagħ l-aktar f’riskju 

Fl-Ewropa, iżda mhux biss, ir-restrizzjonijiet li ddaħħlu fis-seħħ biex jikkontrollaw l-imxija tal-Covid-19 qed ikomplu jonqsu minkejja li l-każi qed jiżdiedu kawża tal-varjant Delta, li ġie identifikat għall-ewwel darba fl-Indja. Il-pajjiżi kollha qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex isalvaw is-sajf. 

Minkejja dan, l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa qed twissi, bid-Direttur Ġenerali, Tedros Adhanom Ghebreyesus jisħaq li “ninsabu f’perjodu diffiċli tal-pandemija.” 

It-twissija tiegħu kienet indirizzata lill-pajjiżi kollha, iżda b’mod partikolari għal dawk li għadhom lura fil-programm tat-tilqim u qed jerġgħu jispiċċaw b’żieda qawwija ta’ pazjenti rikoverati fl-isptar. 

Fil-fatt, kif spjegat bħal-lum ġimgħa din il-gazzetta, il-varjant Delta jinxtered ħafna aktar mill-Covid-19 normali u mill-varjanti l-oħra u hemm bżonn li aktar persuni jkunu mlaqqma kompletament u mhux biss bl-ewwel doża, biex l-immunità tagħhom tkun b’saħħitha kemm jista’ jkun. 

Tant u hekk li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) qed ibassar li matul dan is-sajf li ġej, dan il-varjant se jinfirex b’mod partikolari fost l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ li jkunu għadhom ma ħadux il-vaċċin jew inkella ma jkunux ħadu t-tilqima kompluta.  

S’issa jidher li t-tilqima kompluta qed toffri protezzjoni b’saħħitha kontra dan il-varjant u għalhekk il-pajjiżi qed ikunu mħeġġa biex isaħħu l-programm tat-tilqim. 

“Il-varjant Delta huwa perikoluż u qed ikompli jevolvi u jinbidel. Dan jitlob evalwazzjoni kontinwa u aġġustament bil-għaqal tal-miżuri,” saħaq Ghebreyesus. 

Jekk f’Malta l-programm tat-tilqim mexa u għadu miexi b’ritmu tajjeb ħafna, mhux l-istess jista’ jingħad għal pajjiżi oħra Ewropej u lilhinn u dan qed iżid it-tħassib li d-Delta se jasal qabel u se jagħmel ħerba! Ikun hawn min jargumenta u jgħid: “Mhux l-aqwa li f’Malta mxejna?” Vera, iżda Malta ma tgħix f’iżolament u l-fatt li l-fruntieri huma miftuħa ipoġġi aktar responsabbilità fuq l-awtoritajiet biex isaħħu l-kontrolli, partikolarment għal dawk it-turisti li jkunu ġejjin minn pajjiżi fejn hemm ħafna varjanti u t-tilqim għadu lura. 

Fid-dawl ta’ dan, il-gazzetta ILLUM ħarset lejn pajjiżi Ewropej u anke pajjiżi oħra ‘l barra mill-Ewropa biex tifhem x’qed jiġri, fiex inhuma fit-tilqim u dan x’impatt qed ikollu fuq il-kontroll ta’ dan il-varjant li qed iħasseb lil bosta. 

Spanja: Iż-żgħażagħ l-aktar li qed jimirdu għax l-inqas imlaqqma 

Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet, hekk kif komplew jonqsu r-restrizzjonijiet, f’Barċellona nġabru diversi żgħażagħ fl-istabbilimenti tad-divertiment li din il-Belt hija tant magħrufa għalihom, minkejja li l-infezzjonijiet, fir-reġjun tal-Katalunja, żdiedu b’mod drastiku. 

Kif tbassar, kemm mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa u anke mill-ECDC, il-maġġoranza tal-infezzjonijiet il-ġodda kienu fost żgħażagħ li għandhom bejn 10 u 29 sena.  

Tant u hekk li r-reġjuni kollha Spanjoli qed jaħdmu biex kemm jista’ jkun malajr ilaqqmu lill-adoloxxenti u ż-żgħażagħ.  

Fil-fatt, għal dawn l-aħħar jiem, fil-Katalunja kienu rreġistrati aktar minn 5,000 każ ġdid kuljum. 

L-istabbilimenti tad-divertiment fil-Katalunja nfetħu fil-21 ta’ Ġunju. Dawn jistgħu jibqgħu miftuħa sat-3.30am u jistgħu jdaħħlu sa 50% ta’ kemm jifilħu jesgħu persuni. Il-maskri huma obbligatorji f’dawn l-istabbilimenti u min jattendi jrid jibqa’ fi gruppi ta’ sitta. 

Mhux fil-Katalunja biss infetħu l-postijiet tad-divertiment imma anke f’reġjuni oħra fosthom La Rioja, Murcia u Valencia, għalkemm dawn iridu jagħlqu fis-2am.  

Fi Spanja, jekk wieħed jieħu r-reġjuni kollha f’salt, ftit aktar minn 40% tal-popolazzjoni hija mlaqqma kompletament. Fejn jidħlu l-adoloxxenti ta’ bejn it-12 u l-15-il sena, iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u d-29 sena u l-adulti ta’ bejn it-30 u d-39 sena, it-tilqim għadu lura mmens.  

Fil-każ tal-adoloxxenti, madwar 1% biss huma mlaqqma kompletament u fil-każ taż-żgħażagħ madwar 10% huma mlaqqma kompletament.  

Franza: Twissija ta’ raba’ mewġa jekk ma jħaffux it-tilqim  

Iż-żieda fil-każi fir-reġjun ta’ Landes fi Franza wassal biex ir-rilaxx ta’ aktar restrizzjonijiet kellu jiġi pospost bi ftit jiem, anke wara twissija ta’ esperti li qed jisħqu li Franza jista’ jkun tidħol fir-raba’ mewġa ta’ infezzjonijiet. 

Il-varjant Delta issa huwa responsabbli għal madwar 25% tal-każi fi Franza. 

Il-Ministru għas-Saħħa Franċiż, Olivier Véran ma tantx dam jomgħod il-kliem u qal ċar u tond li jekk ma jiħdux ħsieb, dan il-varjant jista’ jħarbat is-sajf.  

It-tama qed titpoġġa fuq il-vaċċin. Il-Professur Jean-Francois Delfraissy, wieħed mill-esperti l-aktar viċin tal-Gvern ikkonferma li t-theddida tar-raba’ mewġa ta’ infezzjonijiet hemm tinsab, madanakollu wera t-tama li din taf tkun aktar moderata mill-ewwel tlieta. 

“Naħseb li se jkollna r-raba’ mewġa imma se tkun aktar moderata mill-ewwel tlieta għax issa hemm it-tilqima,” insista l-Professur waqt li kien qed ikun intervistat fuq stazzjon tar-radju.  

Jekk wieħed iħares lejn il-pajjiż kollu, l-infezzjonijiet, l-għadd ta’ pazjenti fl-isptarijiet u anke l-imwiet qed jonqsu, imma l-fatt li madwar 32% biss tal-Franċiżi huma mlaqqma kompletament, qed ikompli jżid it-tħassib.  

Franza naqqset ħafna mir-restrizzjonijiet tagħha. Kważi kollox jinsab miftuħ u l-curfew li kien ilu impost minn Diċembru wkoll tneħħa qabel previst.  

Intant, fid-dawl ta’ rata ta’ tilqim baxxa fost il-ħaddiema tas-saħħa Franċiżi, il-Gvern Franċiż qed jikkunsidra li jagħmel dan obbligatorju, aktar u aktar meta residenti ta’ dar tal-anzjani fir-reġjun ta’ Landes, spiċċaw infettati bil-varjant Delta.  

Awstralja: Ikkontrollaw il-pandemija imma d-Delta ħasadhom għax għadhom lura fit-tilqim 

Għall-aħħar sena, l-Awstralja rnexxielha tikkontrolla b’mod eċċezzjonali l-imxija tal-Covid-19, tant li meta l-Ewropej kienu msakkra d-dar, l-Awstraljani setgħu joħorġu qisu xejn mhu xejn u jżuru r-ristoranti, l-istabbilimenti tad-divertiment u attivitajiet tal-massa bħall-festivals u l-kunċerti. 

L-għeluq tal-fruntieri u l-kwarantina obbligatorja ħadmet fuq li ħadmet. Kull meta ħarab xi każ anke jekk imqar wieħed biss, bliet spiċċaw f’lockdowns totali biex fi ftit jiem kollox jirritorna għan-normal. Dan biex ma nsemmux contact-tracing eċċezzjonali.  

Iżda fl-aħħar jiem il-varjant Delta daħħal denbu wkoll u minn xejn il-każi bdew jiżdiedu ġurnata wara l-oħra. Anke jekk in-numri xorta mhumiex allarmanti, bliet kbar, bħal Sydney, spiċċaw f’lockdown.  

F’daqqa waħda, madwar 20 miljun Awstraljan, jew inkella 80% tal-popolazzjoni, qed jgħixu taħt restrizzjonijiet, l-akbar ammont minn kemm ilha li faqqgħet il-pandemija. 

Hemm diversi raġunijiet li waslu għal dan iżda fost ir-raġunijiet ewlenin hemm il-vaċċin. Jekk l-Awstraljani kellhom sistemi tajbin fl-aħħar xhur, fallew fejn jidħol il-vaċċin. Din it-toqba fis-sistema, ħadmet favur il-vaċċin Delta. 

Fil-fatt, inqas minn 8% tal-popolazzjoni adulta Awstraljana hija mlaqqma kompletament. Biex tkompli tgħaxxaq, inqas minn 30% ħadu mqar doża waħda. 

F’dan is-sens, il-popolazzjoni hija ħafna aktar vulnerabbli, b’mod partikolari meta wieħed iqis li dan il-varjant jinxtered ħafna aktar malajr. 

Hemm diversi raġunijiet għaliex l-Awstraljani waqgħu lura fit-tilqim. Fost oħrajn, kien hemm it-tħassib dwar il-każi ta’ emboli fid-demm marbuta mal-Astra Zeneca. Dan wassal lill-Gvern biex jillimita l-użu tal-Astra Zeneca għal dawk li għandhom aktar minn 60 sena, minkejja li ma kellux biżżejjed dożi tal-vaċċin l-ieħor, jiġifieri l-Pfizer, biex ilaqqam lill-bqija.  

L-Istati Uniti: Il-varjant jinxtered l-aktar fejn it-tilqim għadu lura 

Fl-Istati Uniti tal-Amerika t-tilqim ukoll għadu pjuttost lura b’esperti jisħqu li dan, flimkien mat-tixrid tal-varjant Delta, qed jagħmilha dejjem aktar diffiċli biex il-pajjiż jilħaq l-immunità tal-massa, li l-istess varjant mexxa’ ‘l quddiem. 

Anthony Fauci, li huwa l-wiċċ fl-Istati Uniti tal-ġlieda kontra l-pandemija insista li l-vaċċin huwa parti essenzjali mis-soluzzjoni, partikolarment issa li qed jinxtered il-varjant Delta. 

“Persuni li huma mlaqqma kompletament huma protetti kontra l-varjant Delta. Rari ħafna li dawn il-persuni jimirdu u kważi impossibbli li jispiċċaw l-isptar,” insista. 

Anke fl-Istati Uniti qed ikun innutat li l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ qed ikunu l-aktar f’riskju, b’mod partikolari għax għadhom ma ħadux it-tilqima kompluta jew lanqas għadhom biss ħadu doża waħda. 

Fost l-agħar stati hemm Missouri. Il-każi qed jiżdiedu b’mod drastiku u t-tilqim għadu lura mmens. Fil-fatt, madwar 10% tal-popolazzjoni adulta f’dan l-istat hija mlaqqma kompletament. 

Fl-Istati Uniti, 47.3% tal-popolazzjoni adulta hija mlaqqma kompletament. Minn 50 stat, 19 biss laqqmu kompletament aktar min-nofs il-popolazzjoni. 

Il-mira tal-President Biden kienet li sal-4 ta’ Lulju, Jum l-Indipendenza, il-pajjiż ikun laqqam minn tal-inqas 70% tal-popolazzjoni b’doża waħda. Dawn id-19-il stat u Illionis laħqu din il-mira. Madanakollu, jekk wieħed jieħu l-istati kollha flimkien, il-mira ta’ Biden għadha 3% lura, hekk kif sa issa, 67% tal-Amerikani ħadu mqar doża waħda. 

Russja: In-nuqqas ta’ fiduċja fil-vaċċin l-akbar problema 

Fir-Russja, it-tielet mewġa jidher li daħlet mhux ħażin, hekk kif fl-aħħar jiem kienu rreġistrati numru kbir ta’ każi ġodda, li l-pajjiż kien ilu ma jara bħalhom minn Jannar li għadda. 

Mhux hekk biss, iżda kien hemm ġranet fejn ir-rata tal-imwiet f’24 siegħa, laħqet livelli rekord, hekk kif mietu aktar minn 690 persuna. 

Il-varjant Delta jidher li huwa responsabbli għall-maġġoranza tal-każi u r-rata baxxa ta’ tilqim ma tantx tidher li qed tgħin. 

Hawn ta’ min isemmi wkoll li l-awtoritajiet Fillandiżi qed jattribwixxu 40% taż-żieda riċenti fil-każi ta’ Covid-19 fil-pajjiż, lil dawk il-partitarji li rritornaw minn St Petersburg wara li marru jaraw il-logħba bejn Spanja u l-Iżvizzera tal-Euro 2020. 

Madanakollu jidher li fir-Russja, in-nuqqas ta’ fiduċja fil-vaċċin hija l-akbar problema. Ftit aktar minn 17% tar-Russi ħadu mqar doża waħda tal-vaċċin, bil-persentaġġ tal-popolazzjoni li hija mlaqqma kompletament huwa ħafna inqas. 

Fejn it-tilqim mexa, anke jekk żdiedu l-każi, inqas nies kellhom bżonn kura fl-isptar 

Jekk il-każi tal-varjant Delta jidher li qed jgħollu rashom kullimkien kemm f’dawk il-pajjiżi fejn it-tilqim għadu lura u anke fejn mexa, fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, l-effett tal-vaċċin xorta waħda qiegħed jidher, hekk kif ir-rata ta’ mwiet u anke r-rata ta’ persuni li qed ikollhom bżonn jingħataw kura fl-isptar qed jibqgħu baxxi. 

Jekk xejn, dan qed juri kemm il-vaċċin qiegħed jaħdem u kemm it-tilqim, f’dan l-istadju tal-pandemija huwa kruċjali. 

Il-ġimgħa li għaddiet, il-gazzetta ILLUM spjegat (u jidher li hekk għadu l-każ sal-lum), li għalkemm fir-Renju Unit il-varjant Delta nxtered sew u wassal għal żieda sostanzjali fil-każi, l-għadd ta’ pazjenti fl-isptarijiet u anke r-rata tal-imwiet, ma żdidux kif kien qed jiġri kull meta kienet irreġistrata żieda fil-każi. Il-vaċċin jidher li huwa r-raġuni għaliex dan qed iseħħ. Fil-fatt, fir-Renju Unit, it-tilqim mexa ‘l quddiem u kważi żewġ terzi tal-popolazzjoni ħadu t-tilqima.  

Tant u hekk, li minkejja ż-żieda fil-każi, il-Gvern Ingliż jidher li se jimxi ‘l quddiem bil-pjan tiegħu li jneħħi r-restrizzjonijiet kollha, inkluż l-ilbies tal-maskri u d-distanza soċjali mid-19 ta’ Lulju. 

Anke fir-Renju Unit, qed jirriżulta li dawk li qed ikollhom bżonn kura fl-isptar, jew inkella qed ixerrdu l-virus, ġeneralment qed ikunu żgħażagħ jew adoloxxenti, li għadhom mhux imlaqqma kompletament. 

L-istess qed jidher fl-Iżrael. Il-każi żdiedu fl-aħħar jiem (tant li l-ilbies tal-maskri reġa’ sar obbligatorju fuq ġewwa), iżda r-rata tal-imwiet u anke l-għadd ta’ pazjenti li qed ikollhom bżonn kura fl-isptarijiet, mhux qed jiżdiedu bl-istess rata. 

Fl-aħħar ħmistax, kemm ilhom li bdew jiżdiedu l-każi, l-Iżrael ra mewta waħda biss kaġun tal-Covid-19. F’Jannar, meta t-tieni mewġa kienet fl-aqwa tagħha, kien qed jirraporta mat-80 mewta kuljum. Anke l-għadd ta’ pazjenti fl-isptarijiet baqa’ wieħed stabbli.  

Dan qed ikun attribwit għat-tilqim li fl-Iżrael mexa b’ritmu tajjeb ħafna, tant li madwar 60% tal-popolazzjoni hija mlaqqma kompletament. Fil-fatt, minkejja li l-każi telgħu minn żero għal 300 kuljum (u mistennija jkomplu jiżdiedu), sa issa ma hemm l-ebda xamma ta’ lockdown jew restrizzjonijiet oħra.  

Madanakollu bħalissa għaddejja kampanja qawwija biex jitlaqqmu wkoll l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ.  

Anke jekk f’Malta il-varjant Delta għadu ma nxteridx daqs pajjiżi oħra, il-vaċċin qed iħalli r-riżultat tiegħu wkoll. 

Malta rnexxielha żżomm, għal dawn l-aħħar ġimgħat, is-sitwazzjoni taħt kontroll, minkejja li tneħħew ħafna restrizzjonijiet. Apparti minn hekk, għal diversi ġimgħat, Malta ma kellha l-ebda pazjenti fl-isptarijiet u t-tliet pazjenti li ġew rikoverati f’Mater Dei fl-aħħar ħmistax, wara li ħadu l-virus, ma kinux imlaqqma. 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ikkonferma wkoll li 90% tal-każi pożittivi f’Malta qed ikunu pazjenti li għadhom ma ħadux it-tilqima. 

More in Politika