'Jekk Cutajar ma titħallix tikkontesta l-elezzjoni mela lanqas Bernard Grech' - PM

Il-Prim Ministru Robert Abela ma jweġibx mistoqsijiet dwar l-investigazzjoni li qed issir mill-Kummissarju tat-Taxxi fuq Rosianne Cutajar

Il-Prim Ministru Robert Abela ma weġibx mistoqsijiet dwar jekk hux se jkeċċi lil Rosianne Cutajar mill-Grupp Parlamentari Laburista wara li l-eks Segretarju Parlamentari qed tkun investigata mill-Kummissarju għat-Taxxi Interni dwar evażjoni tat-taxxa.

Meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti jekk hux se jħalli lil Cutajar tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li ġejja, jekk ikun konkluż li evadiet it-taxxa, il-Prim Ministru qal li bl-istess kejl, il-pajjiż se jispiċċa f’sitwazzjoni fejn lanqas il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jkun jista’ jikkontesta l-elezzjoni.

Abela kien qed jirreferi għall-problemi li kellu Grech dwar id-dikjarazzjoni u l-ħlas tat-taxxa, liema flus ħallashom biss meta kkontesta għall-Kap Nazzjonalista.

Cutajar kienet investigata mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar flus li ħadet meta għenet lil Yorgen Fenech fi ftehim biex jikseb propjretà fl-Imdina

Wara dawn l-allegazzjonijiet, jiġifieri li Cutajar daħlet €46,000, bdiet minnufih investigazzjoni mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni.

Cutajar kienet irriżenjat fi Frar li għadda sakemm kellha tintemm l-investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, iżda meta dan ikkonkluda li kisret il-kodiċi tal-etika, ir-riżenja tagħha saret waħda permanenti.

“Jekk il-Kummissarju tat-Taxxi jsib nuqqasijiet, allura Cutajar tkun itrattata bħal kwalunkwe ċittadin ieħor,” insista l-Prim Ministru. “Jekk qed nitkellmu fuq evażjoni tat-taxxa, l-uniku investigazzjoni li naf hija dik li saret dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech."

More in Politika