Il-PN iwiegħed li jieħu s-saħħa f'Għawdex minn idejn Steward u jibni sptar ġenerali ġdid

Iwiegħed ukoll li fl-ewwel leġislatura jibni ħames djar tal-anzjani f’ħames lokalitajiet different f'Għawdex

Il-Partit Nazzjonalista qed jintrabat li jekk ikun fil-Gvern jerġa’ jgħaddi s-servizz tas-saħħa f’Għawdex lura f’idejn l-Għawdxin filwaqt li jibni Sptar Ġenerali ġdid.

Dawn kienu żewġ proposti minn għaxra li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta llum waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said, id-Deputat Kevin Cutajar u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Josephine Xuereb. 

“Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern qed iwiegħed impenn sħiħ li jieħu lura s-servizz tas-saħħa biex l-Għawdxin ikollhom tassew servizz eċċellenti mhux biss fis-saħħa in ġenerali imma wkoll fil-kura u s-sostenn fil-komunità tal-anzjani, persuni b’diżabilità u dawk li jbatu bid-dimensja u diffikultajiet ta' saħħa mentali. Huwa b’dan l-għan li s-saħħa tkun wahda mil-prijoritajiet ewlenin ta' Gvern Nazzjonalista għal Għawdex,” insista Said. 

Apparti dawn il-proposti, il-PN qed iwiegħed ukoll li jżomm lill-ħaddiema kollha kollha ta’ Steward Healthcare u jintegrahom fl-isptar u s-servizz il-ġdid.

Il-proposti l-oħra huma dawn:

  • Servizz ġdid ta’ MRI fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
  • Helipads suffiċjenti fuq l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fuq Mater Dei għat-trasferiment b’emerġenza ta’ pazjenti minn Għawdex għal Malta.
  • Kura u sostenn fil-komunità għall-anzjani bil-ftuħ ta’ ħames djar għall-anzjani f’ħames lokalitajiet differenti u dan isir fl-ewwel leġiżlatura.
  • Kura u sostenn fil-komunità għall-persuni Għawdxin bi sfidi ta’ saħħa mentali. 
  • Kura u sostenn fil-komunità għal persuni b’diżabilitá.
  • Kura u sostenn fil-komunità għall-persuni bid-dimensja. 

Waqt il-konferenza, il-kelliema saħqu li meta Gvern Laburista “biegħ l-isptarijiet lill-privat u pprivatizza l-qasam tas-saħħa, ċaħħad lill-Għawdxin minn servizz tas-saħħa li jixraq lill-poplu Għawdxi f’pajjiż modern.”

Insistew li l-wiegħdi ta’ investiment u titjib fis-servizz ma twettqux u l-Għawdxin tilfu l-kontroll fuq is-servizz tas-saħħa f’Għawdex. 

Qalu wkoll li dawn il-proposti huma frott tad-diskussjoni li saret fil-cluster dedikata għal Għawdex u li aktar proposti se jiġu ppreżentati fil-ġimgħat li ġejjin se jkomplu jkunu żvelati. 

More in Politika