‘M’hemmx għaliex nistennew il-bidla tal-pjani lokali ... hemm policies li jistgħu jinbidlu immedjatament’

André Callus jisħaq mal-gazzetta ILLUM li l-awtoritajiet saru ‘ċajta goffa’ u jaqdu biss lill-iżviluppaturi l-kbar

Il-kelliem tal-Moviment Graffitti, André Callus insista li s-settur tal-ippjanar u l-bini mhuwiex irregolat biss mill-pjani lokali. Filwaqt li saħaq li f’dawn hemm ħafna nuqqasijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati, insista li ma hemmx għaliex il-pajjiż jistenna li dawn jiġu riveduti biex jinbidlu l-affarijiet, għax fi kliemu, hemm għadd ta’ policies difettuzi li jistgħu jinbidlu immedjatament.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Callus fil-bidu ta’ sensiela ta’ artikli dwar is-settur tal-kostruzzjoni, il-bini u l-ippjanar li kontinwament nisimgħu dwaru. Kemm isiru protesti u jinġabru firem! Il-kuxjenza qed tiżdied u anke fuq il-midja soċjali tara ħafna li jikkummentaw u jmaqdru xi binja bla sens li tkun telgħet fil-qalba ta’ xi raħal. Imma lilhinn minn dan kollu, se nibqgħu fejn aħna? X’irid jinbidel immedjatament biex forsi l-affarijiet imorru għall-aħjar?

Callus insista mal-gazzetta ILLUM li l-pressjoni li saret matul is-snin ħalliet impatt. “Huwa fatt li qed niġġieldu kontra forzi b’saħħithom. Tul is-snin il-pressjoni kienet effettiva anke jekk is-sitwazzjoni għadha gravi u jiena ngħid li għandna emerġenza ambjentali,” insista.

Kien hawn li André Callus semma diversi policies li l-Moviment Graffitti ilu ħafna jitkellem dwarhom u li, fi kliemu jeħtieġ jinbidlu, għax ma jagħmlux sens u qed jagħmlu ħerba mhux biss miż-żoni naturali u agrikoli imma anke mill-ispazji urbani.

‘Policy li ħalliet ħerba u tilgħab logħba bis-sulari u l-metri’

Fost dawn semma policies differenti li jirregolaw l-ogħli ta’ binjiet differenti. Insista li ħafna minn dawn qed iwasslu għall-bini li ma jagħmilx sens, anke fil-qalba ta’ ċentri storiċi u urbani. 

“Qed nitkellem mhux mill-aspett estetiku biss imma anke fejn tidħol il-prattiċità,” saħaq Callus. Għal aktar minn darba semma d-Development Control Policy and Design Guidelines, magħrufa bħala DC15 u li, fi kliemu “ħalliet ħerba,” għax “tilgħab logħba” fil-mod kif jinħadmu s-sulari u l-metri.

Fi kliem sempliċi, qabel din il-policy, żvilupattur ma setax jibni aktar sulari mill-massimu stabbilit fil-pjani lokali. Wara din il-policy setgħu jagħmlu dan sakemm iżommu mal-għoli massimu iżda f’metri. 

‘Fix-xatt ta’ Birżebbuġa jista’ jkun hemm lukanda ta’ disa’ sulari’

Apparti minn hekk, Callus semma policy oħra (Height Limitation Adjustment Policy for Hotels) li prattikament tat il-permess biex lukandi jkunu jistgħu jgħollu s-sulari, jekk jilħqu ċertu rekwiżiti.

“Fix-xatt ta’ Birżebbuġa jista’ jkun hemm lukanda b’disa’ sulari. Bħalissa għandha seba’ u hemm applikazzjoni biex iżżid żewġ sulari oħra,” kompla Callus.

‘Mhux kontra l-high-rise imma jrid ikun jagħmel sens’

Komplejna nitkellmu wkoll dwar il-bini għoli, dak li jissejjaħ high-rise. L-ILLUM tistaqsi lil Callus għaliex din l-oppożizzjoni kollha. Barra minn Malta ma jibnux torrijiet u mhux aħjar ngħolli ‘l fuq milli nieħdu aktar art li mhijiex żviluppata?

“Jiena, personalment, minix kontra l-bini high-rise fil-prinċipju. Imma jrid ikun jagħmel sens,” wieġeb Callus. Saħaq li ma jagħmilx sens li jkollok bini għoli fil-qalba ta’ Żona ta’ Konservazzjoni Urbana, jiġifieri f’nofs ċentru storiku ta’ raħal. 

Insista li meta qed jitkellem fuq bini għoli mhux sempliċiment qed jirreferi għal torrijiet. Fi kliemu, anke ħames sulari f’kuntest li ma jagħmilx sens huma eċċessivi.

“Jagħmel sens li tibni highrise, fl-aktar parti għolja tan-Naxxar?”, staqsa l-attivist. “Bini għoli jrid ikun fi spazju li jagħmel sens.”

Kien hawn li għamel referenza għall-proġett tal-Group DB f’Pembroke li issa ġie approvat. “Żewġ torrijiet u lukanda se jinbnew eżatt faċċata ta’ żona residenzjali kbira,” saħaq Callus. Kien hawn li tenna li wieħed ma jistax iħares biss lejn l-aspett estetiku iżda anke lejn il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jgħixu fil-madwar. 

“Tinsix li kull meta se jkollok high-rise se jkollok ħafna konċentrazzjoni ta’ nies, traffiku etċ. Trid tistaqsi jekk l-infrastruttura tiflaħx għalih. Fil-każ tad-DB, tant kemm ma tiflaħx għalih li jridu li tgħaddi mina minn ma sit ta’ Natura 2000,” kompla jinsisti Callus.

‘L-għadd ta’ permess li jingħataw ma jagħmilx sena meta tqabbel mal-popolazzjoni’

Saħaq li barra minn Malta, anke jekk jibnu torrijiet, ma tarahomx mibnija bl-addoċċ iżda x’aktarx li jkunu f’post wieħed ikkonċentrat. “Kif għidtlek jiena mhux kontra fil-prinċipju imma nistaqsi, f’post żgħir bħal Malta, fejn hawn ħafna bini, jista’ jkollna torrijiet?”, staqsa Callus.

Dwar l-argument ta’ bosta li aħjar ngħollu l-bini milli nieħdu aktar spazju, Callus insista li jekk wieħed iqabbel ir-rata tal-permessi li ngħataw fl-aħħar snin, mad-daqs tal-popolazzjoni, jinduna li din hija eċċessiva. “Ma tagħmilx sens.”

Semma wkoll ir-Regolamentazzjoni dwar is-Saħħa u s-Sanità tal-binjiet u kif dawn ġew riveduti fl-2016 biex, fi kliemu, tnaqqsu drastikament. 

Saħaq li dan wassal biex joħorġu permessi għal binjiet f’postijiet li ma jagħmlux sens u li lanqas huma sura biex wieħed jgħix fihom.

L-awtoritajiet saru ċajta goffa

Mistoqsi x’jaħseb li huma l-akbar problemi f’dan il-kuntest, Callus semma l-policies diskussi aktar ‘il fuq u anke l-awtoritajiet, bħalma huma l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, li fi kliemu “saru ċajta goffa.”

“Dawn saru jieħdu n-naħa tal-iżviluppaturi u lanqas biex jipprovaw juru faċċata ta’ indipendenza. Jaqdu lill-iżviluppaturi l-kbar biss,” insista Callus. “Ma hemm l-ebda teknikalità legali. Il-problema taħt kollox huwa l-poter mogħti lil big business.”

Mistoqsi għal min qed jirreferi, Callus saħaq li mhux se jiddejjaq jsemmihom b’isimhom.

“Fost dawn għandek lil Joseph Portelli ta’ Għawdex li qed jibni li jrid. Applikazzjoni, b’mod sfaċċat jaqsamha f’biċċiet żgħar biex ma jkollux bżonn jagħmel studju dwar l-impatt ambjentali. Imma jkun ċar li jkun żvilupp wieħed,” insista Callus.

Kien hawn li tenna li l-awtoritajiet saru “ċajta goffa” li qatt ma kellhom l-ebda indipendenza u għalhekk huwa l-Ministru responsabbli jrid jerfa’ r-responsabbilità.

“Hemm bżonn li jkun hemm awtoritajiet indipendenti,” temm jisħaq Callus.

More in Politika