Wara snin ta' wegħdi u kontroversja jitnieda l-Fast Ferry bejn Għawdex u l-Belt Valletta

Il-PM Robert Abela sostna illi minkejja l-pandemija l-Gvern baqa' jinvesti fl-infrastruttura u baqa' jirriforma lill-pajjiż

It-tnedija tal-Fast Ferry f'Ta' Liesse l-Belt Valletta
It-tnedija tal-Fast Ferry f'Ta' Liesse l-Belt Valletta

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna illi waqt il-pandemija l-Gvern xorta baqa' jinvesti fl-infrastruttura tal-pajjiż. "Ħadna ħsieb in-nies imma bqajna għaddejjin bir-riformi - mill-marittimu u l-governanza.  Komplejna inħabbru proġett wara ieħor. Ma waqafniex inlestu lill-pajjiż għall-ġejjieni," qal Abela. 

Huwa kien qed jindirizza lil dawk preżenti waqt it-tnedija tas-servizz ta' fast ferry bejn Malta (Belt Valletta) u Għawdex, permezz ta' żewġ operaturi li huma l-Gozo Fast Ferry u l-Virtu Ferries, li sal-lum topera l-vjaġġi bejn Malta u Sqallija.  Dan is-servizz kien ilu jiġi mwiegħed kemm mill-Partit Laburista u anke l-Partit Nazzjonalista bil-proċess jispiċċa quddiem il-Qorti hekk kif il-Virtu Ferries fetħet każ il-Qorti kontra l-Gozo Channel, il-Gvern Malti u entitajiet oħrajn. Dan wara li fl-2018 il-Gozo Channel, li hija mmexxija mill-Gvern, għażlet kumpanija biex tkun sieħeb magħha f'dan is-servizz. 

Minkejja li l-Gvern fetaħ is-suq għal kull operatur, investa b'madwar €5 miljuni f'infrastruttura madwar diversi postijiet fosthom fil-Belt Valletta u Tas-Sliema u naturalment f'Għawdex, fejn dan is-servizz se jkun qed jieqaf. 

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna illi issa vjaġġ bejn iż-żewġ gżejjer għal dawk l-eluf li jużaw it-trasport pubbliku, se jonqos għal ftit inqas minn 45 minuta u minflok saċ-Ċirkewwa jasal sal-Belt Valletta.  Huwa qal illi persuna li kellmitu qaltlu li dn ais-servizz se jfisser għalih madwar sagħtejn inqas fi vvjaġġar kuljum. 

Abela qal ukoll li s-servizz mhux se jiffaċilità biss il-ħajja ta' residenti Għawdxin imma jġib benefiċċji ta' inqas stennija u inqas tniġġiż.  "Naturalment jibqa' l-lok għall-Gozo Channel u rridu naraw x'impatt se jkollu l-fast ferry," qal il-Prim Ministru. 

Intant il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Ian Borg ħabbar servizzi ġodda tat-trasport pubbliku illi se jkunu konnessi mal-post fejn jasal dan il-fast ferry. 

Fil-każ ta-Gozo Fast Ferry għall-adulti, il-prezz ta’ kull vjaġġ bir-ritorn huwa ta’ €9.99 u għat-tfal €5.99 

Dawk li għandhom aktar minn 60 sena u t-tfal se jkunu qed iħallsu €3.99. Ir-residenti Għawdxin se jħallsu €4.50, filwaqt li kull persuna li jkollha Tallinja jew student card jistgħu jixtru vjaġġ bir-ritorn għal €7.99.

Persuna tista’ ttella r-rota b’xejn. Tfal li għandhom inqas minn erba’ snin jivjaġġaw b’xejn iżda xorta jrid ikollhom seat ibbukkjat minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

Minn naħa l-oħra fil-Kaħ tal-Virtu Ferries: L-adulti, iż-żgħażagħ u l-anzjani se jkunu qed iħallsu €12.00 bir-ritorn, filwaqt li t-tfal se jħallsu €6.00. Min ikollu t-Talinja Card se jħallas €11.00 bir-ritorn fil-każ tal-adulti, iż-żgħażagħ u l-anzjani u €5.50, fil-każ tat-tfal.

Għar-residenti Għawdxin, l-adulti, iż-żgħażagħ u l-anzjani se jkunu qed iħallsu €5.00, filwaqt li t-tfal se jħallsu €3.00. Min ikollu t-Talinja Card ta' Għawdex, se jħallas €4.60 bir-ritorn fil-każ tal-adulti, iż-żgħażagħ u l-anzjani u €2.70, fil-każ tat-tfal.

Dawn huma r-rotot tal-linja ġdida b’konnessjoni mas-servizz tal-Fast Ferry...

Malta Public Transport bdiet żewġ rotot ġodda li joffru lill-passiġġieri tal-fast ferry vjaġġar faċli meta jaslu fit-terminal tal-Belt Valletta minn Għawdex.

Rotta 300 titlaq mill-waqfa ġdida ta’ Lascaris kull 10 minuti mill-wasla tal-katamaran u sservi waqfiet qrib il-Junior College, l-Università, u l-isptar Mater Dei.

Rotta X133 toffri servizz ta’ shuttle mingħajr ħlas bejn il-venda tal-Belt u t-terminal tal-fast ferry. Iż-żewġ rotot daħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Ġunju, 2021, u l-ħinijiet tagħhom jaqblu mal-iskeda tal-operaturi tal-fast ferry għall-konvenjenza tal-passiġġieri.

Għal rotta 300 japplikaw ir-rati regolari tat-trasport pubbliku, inklużi wkoll it-tariffi orħos għal min juża Tallinja Card. Il-klijenti jistgħu jużaw it-Tallinja Card tagħhom biex iħallsu għall-vjaġġi tagħhom kemm ma’ Gozo Fast Ferry kif ukoll ma’ Virtu Ferries Gozo.

Intant, Rotta X300 miċ-Ċirkewwa lejn Mater Dei u l-Belt se titwaqqaf b’mod immedjat bl-introduzzjoni tas-servizz ġdid tal-fast ferry.

More in Politika