L-Ajruport jirreġistra telf ta' €2.1 miljun fl-ewwel kwart tal-2021

L-2020 kienet l-ewwel sena li fiha l-Ajuport għamel telf minn meta ġie pprivatizzat fl-2002.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra telf ta’ €2.1 miljun fl-ewwel kwart tal-2021 u dan meta fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet, kien għamel profitt ta’ €1.4 miljun.

Il-gazzetta oħt Business Today, spjegat kif ir-riżulati finanzjarji tal-kumpanija juru kif fl-ewwel tliet xhur tas-sena, qabel wieħed jinkludi t-taxxi, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għamel telf ta’ €3.12miljun. 

F’dan iż-żmien, l-għadd ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport naqas b’90.2% fuq l-istess perjodu tal-2020. Dan hekk kif restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar, kemm lokali u anke minn pajjiżi oħra, baqgħu fis-seħħ jew saħansitra kienu implimentati fl-ewwel xhur ta’ din is-sena.

Dan kollu wassal biex id-dħul tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta naqas minn €12.8 miljun fl-ewwel kwart tal-2020 għal €5.1 miljun fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, jiġifieri tnaqqis ta’ 60.4%.

In-nefqa tal-Ajruport fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kien ta’ €2.7 miljun. 

Interessanti li wieħed isemmi wkoll kif l-2020 kienet l-ewwel sena li fiha l-Ajuport għamel telf minn meta ġie pprivatizzat fl-2002.

Fl-2019, meta l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra rekord wara l-ieħor ta’ passiġġieri, kien għamel profitt ta’ €33.9 miljun.

Il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg dwar l-effett tal-pandemija fuq l-Ajruport, l-irwol tiegħu biex Malta terġa’ tikseb il-konettività li kellha, it-tħejjija għas-sajf u anke l-miri li għandu l-Ajruport.

More in Politika