Intervista | ‘L-aqwa riklam għal Malta bħalissa huwa li tibqa’ fuq quddiem fil-programm tat-tilqim’


Ra tnaqqis ta’ 76% fin-numru tal-passiġġieri u naqqas id-dħul tiegħu b’€68 miljun minħabba l-pandemija iżda baqa’ jirbaħ premju wara l-ieħor u qed jaħdem għal meta t-turiżmu reġa’ jaqbad ritmu. L-ILLUM iżżur l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u tiltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv Alan Borg

Il-Kap Eżekuttiv Alan Borg
Il-Kap Eżekuttiv Alan Borg

Kull meta nitkellmu fuq il-pandemija nieqfu mal-impatt negattiv li din kellha fuq in-negozji, il-lukandi, ir-ristoranti u stabbilimenti tad-divertiment. Insemmu wkoll l-impatt fuq il-linja nazzjonali tal-ajru, kif għamlet din l-istess gazzetta ftit tal-ġimgħat ilu, iżda ftit li xejn nitkellmu fuq l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li huwa stakeholder importanti u kruċjali. 

Propju għalhekk li din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM poġġiet bilqiegħda mal-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg u tkellmet miegħu dwar l-effett tal-pandemija fuq l-Ajruport, l-irwol tiegħu biex Malta terġa’ tikseb il-konettività li kellha, it-tħejjija għas-sajf u anke l-miri li għandu l-Ajruport.

Bdejna nitkellmu fuq l-impatt tal-pandemija fuq l-ajruport, mhux biss mill-għadd ta’ passiġġieri li għaddew minnu u li kulħadd jaf li naqas, iżda anke mill-aspett finanzjarju.

Borg beda jispjega kif matul is-sena li għaddiet, l-Ajruport ra n-numru ta’ passiġġieri li għaddew minnu jonqos b’76.1% fuq is-sena ta’ qabel. Dan it-tnaqqis, riżultat tal-pandemija, wassal ukoll għal tnaqqis ta’ €68 miljun fid-dħul iġġenerat mill-Ajruport.

‘Tnaqqis fil-pagi, skemi ta’ rtirar imma ħadd ma tilef ix-xogħol...’

Fid-dawl ta’ dan, il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Borg jekk f’dan il-perjodu diffiċli, l-Ajruport irnexxilux iżomm miegħu lill-impjegati kollha.

Saħaq li hekk kif faqqgħet il-pandemija l-Ajruport implimenta programm ta’ tnaqqis tan-nefqa li kien jinkludi għadd ta’ miżuri inkluż tnaqqis fil-pagi u sospensjoni ta’ proġetti mhux essenzjali, u waqqaf ukoll ir-reklutaġġ tiegħu,

“Dan sar bil-għan li l-kumpanija tiżgura s-sostenibbiltà ekonomika tagħha u b’hekk jitħarsu l-interessi fit-tul tal-istakeholders kollha – inklużi l-impjegati - li huma dipendenti fuq l-irkupru tal-Ajruport,” saħaq Borg.

Spjega kif matul il-pandemija tnediet ukoll  skema ta’ rtirar kmieni li ġiet utilizzata minn diversi impjegati. 

“Dawn il-miżuri ppermettew li ħadd ma jitlef l-impjieg tiegħu minħabba l-pandemija,” insista l-Kap Eżekuttiv.

‘21 ta’ Marzu 2020: L-agħar jum’

L-ILLUM staqietu liema kien l-aktar jum diffiċli għall-Ajruport tul din l-aħħar sena, b’Borg minnufih isemmi l-ġurnata tal-21 ta’ Marzu 2020, jiġifieri l-jum meta l-ajruport għalaq għal titjriet kummerċjali u dam hekk tliet xhur.

“F’dan il-perjodu, l-ajruport rajnieh kif qatt ma rajnieh qabel għax l-uniċi passiġġieri li setgħu jtiru minn u lejn Malta kienu dawk li kienu qed jivvjaġġaw għal raġunijiet umanitarji u ta’ ripatrijazzjoni. Għalkemm dawn kienu mumenti tassew diffiċli għat-tim tal-ajruport u l-istakeholders, għamilna l-almu tagħna sabiex nutilizzaw dan iż-żmien sabiex nippreparaw għall-ftuħ mill-ġdid u naraw kif nistgħu nkomplu ntejbu s-servizzi u l-faċilitajiet tagħna għal meta jerġa’ jaqbad l-ivvjaġġar,” kompla jisħaq il-Kap Eżekuttiv.

L-Ajruport jiflaħ jitlef sajf ieħor?

Iżda l-passat għadda u mar. Issa rridu nibdew inħarsu lejn il-futur. Is-sajf, ftit ftit riesaq. L-Ajruport jiflaħ jitlef sajf ieħor? Jekk in-numru ta’ passiġġieri jibqgħu baxxi ħafna, x’se jkunu r-riperkussjonijiet fuq il-kumpanija?

Saħaq li meta wieħed jiftakar li fl-2019, in-nefqa turistika kkontribwiet madwar €2.1 biljun tal-prodott domestiku gross tal-pajjiż, jifhem aħjar kemm l-ekonomija ta’ Malta għandha bżonn li r-rota tat-turiżmu terġa’ tibda ddur malajr. 

“Biex il-pajjiż jibda jara xi sinjali ta’ rkupru fl-ivvjaġġar bl-ajru sas-sajf hemm bżonn li jkompli jaqdef fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ tilqim; li jkun hemm pjattaforma Ewropea unika b’informazzjoni uffiċjali dwar x’jista’ jistenna passiġġier fil-pajjiż tad-destinazzjoni fir-rigward ta’ dokumenti li jkollu jissottometti u rekwiżiti oħra għad-dħul fil-pajjiż; u li fil-livell lokali nniedu applikazzjoni elettronika għall-ġbir u l-ipproċessar ta’ dokumenti li bħalissa qegħdin jiġu proċessati manwalment,” insista Borg.

‘Is-sitwazzjoni għadha fluwida ħafna’

Fl-2019, għaddew mill-Ajruport aktar minn seba’ miljun persuna. Ammont rekord. L-ILLUM tistaqsi lill-Kap Eżekuttiv meta qed ibassru li jerġgħu jintlaħqu dawn in-numri.

Saħaq li anke jekk is-sitwazzjoni għadha fluwida ħafna u hemm ħafna fatturi esterni li fuqhom jiddependi l-irkupru lokali, mill-informazzjoni li l-Ajruport u l-industrija għandha f’idha, fadal sal-2024 biex jerġa’ jibda jkollna n-numri li kellna qabel faqqgħet il-pandemija.

“L-industrija tal-ivvjaġġar hija waħda reżiljenti, anki minħabba l-irwol uniku tal-ivvjaġġar fl-iffaċilitar tal-attività soċjali, kulturali u ekonomika,” insista.

‘Xejn ma jieħu post l-importanza tat-tilqim’

Dan l-aħħar smajna wkoll ħafna dwar il-varjanti u saret ħafna kritika li fl-ajruport mhux qed isir biżżejjed screening. L-ILLUM tistaqsi lil Borg kemm hi ġusta din il-kritika u x’qed isir biex malli l-affarijiet jibdew jiċċaqilqu, l-Ajruport iżid il-kapaċità tiegħu kemm ta’ screening u anke ta’ ttestjar.

Alan Borg saħaq li l-Ajruport dejjem kien f’konformità mal-linji gwida maħruġin mill-awtorità tas-saħħa lokali u organizzazzjonijiet awtorevoli internazzjonali oħrajn bħall-EASA. Insista li qed jagħmlu ħilithom kollha biex l-ambjent tal-ajruport ikun wieħed sigur aktar minn qatt qabel.

“Però nkompli nisħaq fuq l-importanza tat-tilqim u li xejn ma jista’ jieħu post dan,” insista.

Mill-banda l-oħra, insista li l-isforzi li saru ma jistgħux jingħataw il-ġenb u semma wħud minn dawn, fosthom: it-tindif u diżinfettar aktar rigoruż u regolari; l-introduzzjoni ta’ 120 hand sanitising station madwar l-ajruport; l-użu ta’ teknoloġiji sabiex l-esperjenza fl-ajruport tkun kemm jista’ jkun touchless; it-twaħħil ta’ aktar minn 2,100 tabella li jfakkru lin-nies iżommu distanzi soċjali xierqa matul il-vjaġġ; u t-twaqqif ta’ tim imħarreġ apposta – l-Airport Care Team - biex jirrispondi għall-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tal-passiġġiera, liema ħtiġijiet qed jinbidlu kontinwament.

Apparti dawn, fakkar li ġew installati disa’ kameras termiċi fil-punti prinċipali tad-dħul fl-ajruport li qegħdin jintużaw minn professjonisti tas-saħħa fl-iscreening ta’ kull passiġġier li jkun dieħel jew ħiereġ minn Malta.

Fakkar li f’Awwissu Malta introduċiet l-amber list li minn żmien għal żmien tiġi riveduta. Il-lista attwali tinkludi 40 pajjiż u stat u tkopri prattikament kull pajjiż li bħalissa għandna titjira diretta lejh. Fakkar li l-passiġġieri li jkunu qed jivvjaġġaw lejn Malta minn dawn il-pajjiżi għandhom jippreżentaw test negattiv għall-Covid-19. Persuni li ma jagħmlux dan, qed jiġu ttestjati mill-professjonisti tas-saħħa li huma stazzjonati l-ajruport.

‘Ilna xhur naħdmu fuq applikazzjoni elettronika għall-passiġġiera...’

Bħalissa għaddejja diskussjoni fuq ‘id-Digital Green Pass’ biex ikun hemm ċertifikazzjoni jew passaport komuni fuq livell Ewropew, biex persuni li jkunu ħadu l-vaċċin ikunu jistgħu jsiefru u jagħmlu dan b’moħħhom mistrieħ. L-istess Borg kien tkellem fuq il-bżonn li li jkun hemm ħidma konġunta anke fuq livell Ewropew. L-ILLUM staqsietu kif l-Ajruport qed iħejji lilu nnifsu għal dan.

“L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Awtorità tas-Saħħa Pubblika, ilu għal dawn l-aħħar xhur jaħdem fuq applikazzjoni elettronika li ser tippermetti li l-passiġġieri li jkunu se jivvjaġġaw lejn Malta jipprovdu d-dokumenti neċessarji f’format diġitali, jiġifieri l-Passenger Locator Form, il-Health Declaration Form, u r-riżultat tat-test tal-Covid-19 / ċertifikat tat-tilqima, sabiex jiġu pproċessati qabel ma jingħataw il-permess biex jidħlu fil-pajjiż,” insista Borg.

Spjega kif din l-applikazzjoni se tkun ta’ benefiċċju kemm għall-passiġġieri minħabba li ser ikunu jistgħu jgħaddu mill-ajruport b’mod aktar mgħaġġel, hekk kif id-dokumenti tagħhom ikunu ġew proċessati qabel jaslu Malta, u kemm għall-awtoritajiet tas-saħħa li se jkollhom aċċess immedjat għal informazzjoni importanti miġbura f’post wieħed dwar il-passiġġieri, u li bħalissa qed tinġabar manwalment.

‘It-triq biex nistabbilixxu netwerk ta’ rotot b’saħħtu mhux se tkun faċli’

Tkellimna wkoll dwar il-konnettività u kif Malta tilfet ħafna mid-destinazzjonijiet li kellha. Anke l-Bank Ċentrali kien qal li hemm bżonn li Malta tirkupra dawn id-destinazzjonjiet jekk trid irkupru ekonomiku malajr kemm jista’ jkun. L-ILLUM staqsiet lil Borg kemm se jkun faċli li Malta terġa’ tikseb il-konnettività kollha li kellha.

“It-triq biex nistabbilixxu netwerk ta’ rotot li jaqdi tajjeb il-bżonnijiet ta’ Malta tul sena sħiħa mhux se tkun waħda faċli, anki minħabba l-fatt li matul il-pandemija ntilfu diversi linji tal-ajru u għalhekk hemm anqas għażla fis-suq,” beda jispjega Borg.

Insista li fl-istrateġija ta’ rkupru se jkun assigurat li dik li tissejjaħ il-business mix, jiġifieri t-taħlita ta’ linji tal-ajru low-cost u flag li joperaw minn Malta, tkun waħda kemm jista’ jkun ibbilanċjata. 

“Barra minn hekk, l-irkupru sostenibbli ser ikun prijoritizzat, u b’dan irrid infisser li se nkunu qegħdin niffukaw fuq rotot u swieq li jibqgħu ekonomikament vijabbli anki fil-medda ta’ żmien medja sa twila,” kompla Borg.

‘L-aqwa riklam għal Malta bħalissa huwa l-programm tat-tilqim’

Imma l-Ajuport għandu rwol f’dan? Huwa importanti biex jattira lejn Malta rotot lejn destinazzjonijiet oħra jew huwa sempliċiment punt ta’ ħruġ u dħul?

Borg saħaq li l-Ajruport għandu tim tal-iżvilupp tat-traffiku li huwa responsabbli mir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-linji tal-ajru u anki li jidentifika u jattira opportunitajiet ġodda għal Malta. Dan it-tim jaħdem mill-qrib ħafna mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

“Wieħed mill-modi kif nattiraw linji tal-ajru ġodda lejn Malta jew inħeġġuhom ikomplu jespandu l-portafoll ta’ servizzi u frekwenzi tagħhom huwa billi nuru li hemm domanda għad-destinazzjoni u billi nippożizzjonaw lil Malta bħala destinazzjoni tajba għal kull żmien tas-sena,” insista.

Saħaq li fis-sitwazzjoni ta’ bħalissa, fejn is-saħħa u s-sigurtà huma ta’ prijorità, l-aqwa riklam għal Malta huwa li tkomplu tkun fuq quddiem fit-tilqim tal-popolazzjoni.

“Nemmen li Malta, bħala destinazzjoni Mediterranja li toffri għad ta’ attivitajiet fl-apert, attivitajiet kulturali, u storja rikka, għandha potenzjal kbir għas-sajf li ġej, speċjalment meta tqis li hawn ħafna nies li huma mxennqin mis-safar,” saħaq.

Il-pandemija waqqfet proġetti tal-ajruport?

Tkellimna dwar l-investiment li sar mill-Ajruport fl-aħħar snin u l-proġetti li kien beda jaħdem fuqhom. Dawn kien ġew impattati mill-pandemija?

Alan Borg spjega kif minkejja d-diffikultajiet li ġabet magħha l-pandemija, f’Novembru 2020 tlesta l-parkeġġ il-ġdid b’diversi sulari – Park East – b’investiment ta’ €20 miljun u li jakkomoda madwar 1,300 karozza, kif ukoll l-uffiċini tal-kumpaniji tal-karozzi tal-kiri li joperaw mill-ajruport. 

Il-pass li jmiss, kompla jispjega, huwa l-installazzjoni ta’ sistema fotovoltajka ta’ 750 kWp fuq il-livell miftuħ ta’ dan il-parkeġġ, li ser isservi kemm bħala kenn għall-karozzi u kemm sabiex tkompli tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ajruport li jiġġenera l-enerġija nadifa. 

Qal li fl-istess żmien ingħalqet ukoll l-ewwel fażi tal-investiment tal-Cargo Village li involviet l-estensjoni ta’ faċilijiet ta’ ħżin, u issa ħarġet sejħa għal offerti għax-xogħlijiet ċivili b’rabta mal-iżvilupp ta’ maħżen ġdid bħala parti mill-istess proġett. 

‘Se jerġgħu jiġu jiem impenjattivi u rridu nkunu lesti għalihom’

“Għandna wkoll pjanijiet li nċaqilqu l-pompa tal-petrol li bħalissa tinsab qrib il-binja ta’ SkyParks sabiex nibdew inwittu t-triq għall-iżvilupp ta’ SkyParks 2. Fl-2020 ġie ffinalizzat id-disinn ta’ din il-binja ġdida u ġew identifikati ż-żoni kummerċjali tal-kumpless. Dan l-iżvilupp ser jinkludi wkoll il-bini ta’ lukanda – ftit ilu identifikajna operatur xieraq għaliha u bħalissa qegħdin naħdmu sabiex nallinjaw id-dehra tagħha ma’ dik tal-bqija tal-kumpless u anki nistabbilixxu l-ispejjeż involuti,” kompla jispjega.

L-Ajruport qed janalizza wkoll l-offerti li rċieva fir-rigward is-sejħa li ħareġ għal xogħlijiet relatati mal-iżvilupp ta’ Apron X u faċilitajiet anċillari. 

“Kif diġà għidt, nemmen li għad jiġu jiem impenjattivi ħafna u li huwa importanti li nkunu preparati għalihom permezz ta’ faċilitajiet adegwati. Apron X huwa maħsub li jiġi żviluppat fuq żona li tkopri madwar 100,000 metru kwadru u b’hekk itejjeb sinifikattivament il-kapaċitajiet tagħna ta’ parkeġġ tal-ajruplani,” kompla jisħaq.

‘Il-premji li rbaħna s-sena l-oħra tawna motivazzjoni kbira’

Tkellima wkoll dwar id-diversi ċertifikati li rebaħ l-Ajruport. Imma dawn huma sempliċiment ċertifikati li niftaħru bihom fir-riklami. Konkretament, dawn x’differenza jagħmlu?

Din is-sena biss, l-ajruport biss rebaħ l-HR Excellence Award, il-Best Airport Award mogħti fil-kuntest tal-pandemija, u ċ-ċertifikat Voice of the Customer, fost oħrajn. Dawn ingħataw wara evalwazzjoni minn ġurija jew organizzazzjoni esperta. Il-Best Airport in Europe fl-istħarriġ Airport Service Quality - ingħataw abbażi tal-feedback tal-passiġġieri. 

“Aktar milli niftaħru bihom, dawn it-titli huma rikonoxximent uffiċjali tal-ħidma li ma taqta’ xejn tat-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta matul is-sena sabiex noffru biss l-aqwa servizz,” saħaq Borg. “Hawnhekk nixtieq nirringrazzja tal-ħidma tagħhom kemm lit-tim tagħna u kemm lill-istakeholders kollha li joperaw fl-ajruport, jiġifieri lill-uffiċjali tal-Pulizija, tal-Forzi Armati ta’ Malta, tad-Dwana u tal-Immigrazzjoni, lil-linji tal-ajru sħab tagħna u lill-ground handlers tagħhom Air Malta Aviation Services u Aviaserve, lill-uffiċjali tas-sigurtà ta’ G4S u Khiron, l-istaff ta’ Servizi Malta, rappreżentanti tas-SITA, u lil dawk kollha li jaħdmu fil-ħwienet ta’ madwar l-ajruport. 

Filwaqt li jgħożżu kull premju, qal li dawk tas-sena li għaddiet servew ta’ motivazzjoni aktar minn qatt qabel, għax inkisbu fi żmien ta’ diffikultajiet kbar.

‘L-Air Malta hija stakeholder kruċjali għalina’

Fl-aħħarnett l-ILLUM tfakkru fl-istorja li żvelat, jiġifieri li l-Air Malta qed tagħmel telf ta’ €170,000 kuljum. Staqsietu kemm hi importanti għall-Ajruport u xi jfisser għalihom jekk l-Air Malta ma tirkuprax.

Saħaq li l-Air Malta hija stakeholder kruċjali kemm għall-Ajruport u kemm għall-industrija tat-turiżmu lokali. 

“Aħna dejjem insegwu l-iżviluppi fir-rigward tal-Air Malta mill-qrib u jkollna laqgħat regolari mal-linja tal-ajru biex anki naraw kif nistgħu nagħtu l-appoġġ tagħna,” temm jgħid Borg.

More in Politika