Jason Azzopardi jipproponi fond biex il-Gvern jixtri l-binjiet ta' każini tal-banda li jkunu ġew żgumbrati

Kif irrapportat diversi drabi l-gazzetta ILLUM, mhux l-ewwel darba li kien hemm każini tal-baned li spiċċaw kważi żgumbrati minħabba l-kwistjoni tal-kirjiet antiki

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jipproponi li jitwaqqaf fond biex il-Gvern ikun jista’ jixtri l-proprjetajiet li llum huma sede ta’ każini tal-baned u li jkunu f’riskju ta’ żgumbrar minħabba kwistjonijiet marbuta mal-kera.

Kif irrapportat diversi drabi l-gazzetta ILLUM, mhux l-ewwel darba li kien hemm każini tal-baned li spiċċaw kważi żgumbrati minħabba l-kwistjoni tal-kirjiet antiki u l-Gvern instab ħati kemm-il darba, anke quddiem il-Qorti Ewropea, bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ordnat iħallas l-eluf f’kumpens. Fil-fatt, hemm madwar 20 każin tal-banda li 'l quddiem jistgħu jsibu ruħhom daharhom mal-ħajt.

Jason Azzopardi issa qed jipproponi skema li permezz tagħha l-Gvern jixtri mingħand is-sidien, bil-prezz tas-suq, il-binjiet li huma sede ta’ każini tal-banda li jkunu se jiġu żgumbrati u mbagħad ikun hu li jikri l-istess sede lill-każin tal-banda.

Azzopardi huwa minn Raħal Ġdid u wieħed mill-każini ewlenin tal-lokali, jiġifieri dak Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule, kien iffaċċjat b’ordni ta’ żgumbrar, anke jekk il-Gvern kien ħareġ għonqu u ppreżenta emenda fil-Kodiċi Ċivili li tagħti d-dritt lil kwalunkwe banda li qed tiffaċċja ordni ta’ żgumbrament biex tħallas għaxar darbiet aktar f’kera u b’hekk tibqa’ fil-post.

Minkejja dan, is-sidien baqgħu jisħqu li qed ikunu ddiskriminati għax meta ngħataw id-dritt li jieħdu lura l-binja, il-Gvern daħħal liġi biex dan ma jseħħx.

Il-każ kien beda meta t-tmexxija tal-każin kienu waqqgħu ħajt biex għaqdu l-binja tal-każin ma’ binja oħra biswita u ma kinux infurmaw lis-sidien b’dan il-proġett.

“Il-Gvern sab €2 miljun għall-inkjesta Egrant, €7.5 għall-inkjesta ta’ Pilatus, €275 għal kuntratt illegali f’San Vinċenz de Paule. Mhux kapaċi jsib €1.6 miljun biex jixtri dan il-każin mingħand is-sidien?” staqsa d-Deputat.

Aqra wkoll:

More in Politika