Kellek tħassar jew tipposponi t-tieġ? Il-Gvern jestendi l-iskema għar-rifużjoni tad-depożiti

Għall-ewwel darba, minn din l-għotja se jibbenefikaw ukoll dawk il-koppji li żżewġu iżda kkanċellaw il-festin tagħhom

Il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol ħabbar li l-għotja għal rifużjoni ta’ depożiti mħallsa għal tiġijiet u ċerimonji tal-unjoni ċivili li ġiet imħabbra fl-2020 se tiġi estiża mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021.

Għal din l-iskema hemm allokazzjoni ta’ €2 miljun u din se tibqa’ fis-seħħ sakemm din l-allokazzjoni tiġi utilizzata kollha. Kull koppja tista’ tibbenefika sa €2,000 u tista’ tapplika darba biss.

Il-kriterji eliġibbli għal din il-miżura huma:

  • Koppji li ċ-ċerimonja tat-tieġ/unjoni ċivili tagħhom kienet oriġinarjament mistennija li ssir bejn it-8 ta’ Marzu 2020 u t-31 ta’ Diċembru 2021.
  • Koppji li kellhom depożiti mħallsa fuq oġġetti u servizzi relatati maċ-ċerimonja tat-tieġ/unjoni ċivili tagħhom kif pprovat mid-dokumenti ppreżentati 
  • Dawk li se jipprovdu s-servizzi għad-data l-ġdida tat-tieġ jistgħu jkunu differenti minn dawk ibbukkjati għall-ewwel data tat-tieġ. 

Il-ministru qal li għall-ewwel darba, minn din l-għotja se jibbenefikaw ukoll dawk il-koppji li żżewġu iżda kkanċellaw il-festin tagħhom. 

More in Politika