Malta mal-aktar pajjiżi siguri għall-Ingliżi ... pajjiżna ma' tal-ewwel fuq il-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit

Il-gazzetta ILLUM tiżvela illi Malta se tkun fost l-ewwel fil-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit.  Sorsi jgħidu li l-bidu ta' Ġunju jidher li se jkun kwiet ħafna, iżda Awwissu mistenni jkun xahar tajjeb għat-turiżmu ...

Ir-Renju Unit se jiftaħ għal Malta ... jibqa' l-akbar suq turistiku
Ir-Renju Unit se jiftaħ għal Malta ... jibqa' l-akbar suq turistiku

Sorsi tal-gazzetta ILLUM ikkonfermaw illi Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi fil-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit - bħala pajjiż sigur f'termini ta' safar u Covid-19.  Dan mistenni jagħti impetu kbir u tant meħtieġ lil wieħed mill-akbar - jekk mhux l-akbar - settur ekonomiku f'Malta, li bħalissa jinsab għaddej minn perjodu diffiċli ħafna. 

In-numri baxxi li Malta issa ilha tirreġistra għal dawn l-aħħar ġimgħat - bin-numri jibqgħu dejjem taħt il-100 u jinżlu taħt il-50 din il-ġimgħa kienu determinanti għad-deċiżjoni li mistenni jħabbar il-Gvern Ingliż fir-rigward tal-Lista l-Ħadra. 

L-Independent tar-Renju Unit irrappurtat kif meta jerġa' jiftaħ is-safar mill-pajjiż - li bħalissa huwa ipprojbit - fis-17 ta' Mejju, mistenni jkun hemm madwar 20, imma mhux aktar minn 30 pajjiż fuq din il-lista.  Dan ikun ifisser li l-ivvjaġġar ta' eluf ta' Ingliżi li mistennijin isiefru jkun ffaċilitat l-aktar lejn dawn il-pajjiżi. 

Bir-Renju Unit jibqa' l-akbar suq turistiku, anke skont ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) tal-2019, dan il-fatt mistenni jagħti imbuttatura qawwija u tant meħtieġa lil dan is-settur. 

Skont l-NSO, fl-2017 ġew Malta 560,893 turist mir-Renju Unit, li żdiedu għal 640,570 fl-2018 u reġgħu żdiedu marġinalment għal 649,624 fl-2019 - l-aħħar sena turistika sħiħa.  L-Ingliżi huma segwiti mit-Taljani hekk kif fl-2019 ġew għal vaganza 392,955 turist Taljan. 
Intant il-Gvern mistenni wkoll ikun f'aktar diskussjonijiet dwar protokolli biex tkun aċċertata s-sigurtà tal-poplu Malti, waqt iċ-ċaqlieq turistiku mistenni dan is-sajf.  Dan l-aktar biex jilqa' għall-biża' u tħassib fost il-poplu li l-ftuħ tal-istaġun turistiku jista' jwassal għal żieda fil-każi jew id-dħul ta' varjant. 

Intant sorsi mill-industrija qalu illi sa issa jidher li l-lukandi qed jaraw bidu kajman għall-istaġun, bi ftit li xejn bookings għall-ewwel ġimagħtejn ta' Ġunju.  Lulju jidher illi qed jipprometti f'termini ta' bookings, b'Awwissu sa issa jkun l-aktar xahar b'saħħtu, b'xi lukandi saħansitra jkunu fully-booked għal dan ix-xahar.  Jidher li bl-inċertezza preżenti sforz il-pandemija, ħafna se jkunu dawk it-turisti li se jħallu għall-aħħar biex jibbukkjaw il-vaganza tagħhom dan is-sajf.  

Għada t-Tnejn jiftħu mill-ġdid eluf ta' ħwienet li jbiegħu prodotti mhux essenzjali - bħal ħwejjeġ, żraben, ġojjellerija u aċċessorji kif ukoll barbiera, hairdressers, ħwienet ta' sbuħija u tad-dwiefer. 

Wara mistennijin jiftħu r-ristoranti u snack bars bil-pjan tal-Gvern jibqa' għaddej sal-1 ta' Ġunju meta il-pajjiż ikun lest biex jibda jilqa' fih lit-turisti. 

 

More in Politika