Brian Tonna fil-Parlament: 'Nagħżel li ma nirrispondix'

Tonna rrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet dwar il-kuntratt tal-Electrogas, uffiċċju ta' Nexia BT f'Kastilja u Egrant quddiem il-PAC

Brian Tonna mill-kumpanija Nexia BT għażel li ma jweġibx il-mistoqsijiet imressqa mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC)  fil-Parlament. Bl-għajnuna tal-avukat tiegħu Stephen Tonna Lowell, Tonna rrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet dwar il-kuntratt tal-Electrogas li bħalissa qed jiġi rivedut mill-PAC.

L-avukat Tonna Lowell stqarr li l-klijent tiegħu qed jiġi interrogat fuq l-Electrogas f'inkjesta maġisterjali separata u dik hi waħda mir-raġunijiet għaliex Tonna xtaq jeżerċità d-dritt tiegħu li ma jweġiebx

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina pprova jikseb tweġibiet mingħand Tonna dwar ir-relazzjonijiet tiegħu ma' Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Id-Deputat kompla jistaqsi dwar l-irwol ta' Tonna fl-Electrogas u fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u staqsa wkoll dwar uffiċċju ta' Nexia BT f'Kastilja.

Minn naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus għafsu dwar il-possibilità ta' rabtiet bejn Egrant u Electrogas, u kompla jistaqsi jekk hemmx xi relazzjoni bejn Egrant u Macbridge.  Tonna ġie mistoqsi wkoll dwar Cheng Chen, in-negozjatur Ċiniż f'negozji ta' bosta miljuni ta' ewro mill-Enemalta, u l-konsulent dwar l-enerġija tal-Partit Laburista David Galea, li tressaq bħala xhud f'laqgħat preċedenti tal-PAC biex jixhed fuq l-Electrogas. Għal dan kollu, t-tweġiba ta' Brian Tonna baqgħet l-istess, "nagħżel li ma nirrispondix."

Brian Tonna kien arrestat flimkien ma' Karl Cini akkużati bi frodi, ħasil ta' flus u xhieda falza.

More in Politika