Keith Schembri għalissa se jibqa' l-ħabs; Ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Keith Schembri qed ikun akkużat b'ħasil ta' flus, frodi, iffalsifikar ta' dokumenti, korruzzjoni u ġurament falz

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, sieħbu fin-negozju, Malcom Scerri u anke l-kontrolattur finanzjarju Robert Zammit, ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest fuq deċiżjoni tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

L-uniku persuna li llum ingħata l-ħelsien mill-arrest kien missier Keith Schembri, Alfio Schembri.

Ilbieraħ l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjona għal din it-talba tad-difiża, fosthom għax l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin u mhux qed ikun eskluż li jiġu arrestati u akkużati persuni oħra.

Mill-banda l-oħra, id-Difiża argumentat li l-akkużati ilhom ħafna fuq police bail, għandhom l-assi ffriżati u ma hemmx ċans li jaħarbu mill-pajjiż.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat saħqet li l-ħelsien mill-arrest mhuwiex xi ħaġa awtomatika u saħqet li l-akkuża kontra Schembri, jiġifieri li ffalsifika dokumenti, "ma tagħtix lill-Qorti s-serħan tal-moħħ."

Fir-rigward ta' Alfrio Schembri, missier Keith Schembri, il-Maġistrat ordnatlu biex jiddepożita l-passaport, l-ID card u anke l-liċenzja tas-sewqan il-Qorti u ordnatlu biex jibqa' joqgħod fid-dar tiegħu f'Bormla.

Ordnatlu wkoll ma jmurx l-ajruport, biex ma jersaqx lejn il-kosta u biex kuljum jiffirma fl-għassa tal-Pulizija f'Bormla.

Irid iħallas ukoll depożitu ta' €20,000 u garanzija personali ta' €50,000.

Intant, l-Avukat tad-Difiża Edward Gatt talab lill-Prosekuzzjoni biex fis-seduta li jmiss ittella' x-xhieda kollha li qed tqis bħala sensittivi. 

Din hija prerogattiva tal-Prosekuzzjoni u Gatt jirrikonoxxi dan iżda jrid li x-xhieda kkumplikata tinħeles malajr kemm jista' jkun, bil-għan li l-klijenti tiegħu jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Madanakollu, il-Maġistrat terġa' tisħaq li t-tħassib tagħha huwa dwar il-fatt li l-Pulizija għadha qed tinvestiga dan il-każ u mhux eskluż l-arrest ta' persuni oħra.

Filwaqt li kkwotat ukoll mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Maġistrat saħqet li l-investigazzjoni għadha għaddejja u hemm ċans li l-akkużati jtellfu l-investigazzjoni. Fakkret li hemm terzi persuni li jista' jkun għadhom ma ġewx identifikati.

Keith Schembri qed ikun akkużat b'ħasil ta' flus, frodi, iffalsifikar ta' dokumenti, korruzzjoni u ġurament falz. 

L-erba rġiel tressqu l-Qorti flimkien ma' seba' persuni oħra, fosthom Brian Tonna u Karl Cini ta' Nexia BT. Kollha kemm huma, ħlief l-eks editur maniġerjali tal-Allied Newspapers, Vince Buhagiar, inżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.

Il-ġimgħa li għaddiet, Matthew Pace u Lorraine Falzon minn Zenith Finance, ukoll ingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Huma ġew arrestati, investigati u akkużati quddiem il-Qorti wara l-konklużjonijiet ta' żewġ inkjesti maġisterjali, waħda dwar tixħim mill-bejgħ tal-passaporti u l-oħra dwar allegazzjoni ta' tixħim bejn Keith Schembri u l-eks editur maniġerjali tal-Allied Newspapers Adrian Hillman.

Aqra aktar:

More in Politika