'Niddubita li negozji żgħar se jifilħu għal estensjoni tal-lockdown ... is-sitwazzjoni hija serja ħafna'

Il-pandemija issa daħlet f'mumenti kruċjali u kritiċi, anke għall-ekonomija tagħna.  Imma r-restrizzjonijiet ta' bħalissa fejn qed iħallu lin-negozji tagħna?  U jekk fil-11 ta' April dan il-lockdown għal eluf ta' negozji jkun estiż, se jifilħu għalih? Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-MEA u l-Kamra tal-SMEs .... 

Jekk wara l-11 ta' April - sa meta huwa ppjanat sa issa illi jkompli l-lockdown ta' eluf ta' negozji - ikollha ssir estensjoni tat-tali lockdown, hemm ħafna negozji, b'mod speċjali dawk żgħar u li huma mmexxijin minn familji illi jkollhom jgħalqu.  Dan is-sentiment esprimietu l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs Abigail Mamo li saħqet illi "s-sitwazzjoni hija serja.  Niddubita ħafna li negozji żgħar u tal-familja se jirnexxielhom jifilħu għal xahar jew estensjoni ta' xahar u nofs oħra." 

Mal-ILLUM Mamo sostniet illi għalkemm is-sitwazzjoni ta' bħalissa n-negozji żgħar u medji diġà għaddew minnha, "is-sena l-oħra ftit kellna negozji li kienu jilmentaw jew jistaqsu għaliex qed jgħalquna.  Imma llum differenti.  Ta' kuljum qed nirċievu telefonati ta' nies li jmexxu negozju illi qed jinkwetaw u li qed jaraw illi ta' kuljum qed jitilfu mis-suq." 

Hija sostniet illi llum ħafna negozji qed jerġgħu jagħmlu telf hekk kif huma magħluqin, huma inqas paċenzjużi, iktar aġitati u "estensjoni oħra ta' dawn il-miżuri jkun ifisser inkwiet kbir.  Is-sitwazzjoni hija serja ħafna."

Mamo sostniet illi hemm bżonn wieħed jifhem illi mhux faċli tkun "bil-mannara fuq rasek" ma tafx hux se jkollok xogħol wara l-11 ta' April. 

'L-irkupru mistenni fl-2021 mhuwiex dak li ħafna ħasbu li se jkun'

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mad-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA) li qal illi fir-realtà ħadd ma' kien qed ibassar fil-bidu ta' din is-sena li tant negozji se jkunu magħluqin sa dan iż-żmien, issa li prattikament kważi deħlin f'April. 

"Mhux qed ngħid li ħażin illi hawn dan il-mini lockdown, imma kien hemm aspettativa li l-irkupru se jkun aktar malajr," sostna Farrugia mal-ILLUM. 

Abigail Mamo (Chamber of SMEs)
Abigail Mamo (Chamber of SMEs)

Huwa fakkar li s-settur turistiku għadu qed iħoss għafsa kbira, u l-operaturi qed jibżgħu li se jintilef staġun ieħor ta' turiżmu. 

"L-impressjoni kienet illi din is-sena se nibdew nirkupraw u nemmen li se jkollna irkupru, imma mhux daqs kemm ħafna kienu qed jistennew." 

Mistoqsi minn din il-gazzetta dwar l-impjiegi u jekk hemmx problema ta' tkeċċijiet minn min iħaddem Joe Farrugia saħaq illi mhux kull settur huwa fl-istess ilma.  "Il-manifattura għaddejja b'mod mhux daqstant ħażin u saħansitra hemm kumpaniji li qed jiżdidilhom ix-xogħol, l-aktar dawk fl-esportazzjoni." 

Huwa qal illi anke s-servizzi finanzjarji sejrin tajjeb - b'uħud li saħansitra żdidilhom ix-xogħol minħabba l-pandemija.  Farrugia kompla jgħid li l-akbar inkwiet f'dan is-settur hija l-governanza u esprima tama li malajr kemm jista' jkun jiġi ppubblikat ir-rapport tal-Moneyval, sabiex dan is-settur jiġi f'postu. 

Huwa jammetti illi kien hemm numru ta' nies li kellhom jitwaqqfu mix-xogħol, "imma fil-kuntest tal-fatt li hemm ukoll ħafna talbiet għax-xogħol.  Hemm ħafna kumpaniji li qed ifittxu n-nies, iżda li qed jirrikorru għal ħaddiema barranin - minħabba nuqqas ta' ħiliet jew inkella nuqqas ta' interess." 

Huwa fakkar li ħafna kumpaniji żammew in-nies magħhom grazzi għas-Suppliment tal-Paga li introduċa l-Gvern, li jsejħilha "life support".  "Imma dan ma jfissirx li b'hekk qed ikopru l-ispejjeż.  Hemm il-kirjiet, hemm l-istokks li ma jistgħux ibiegħu - dan kollu telf u telf sostanzjali għal ċerti negozji."

Farrugia jfakkar li naturalment anke fil-bejgħ bl-imnut mhux kulħadd jinsab fl-istess ilma.  Hemm ħwienet bħal tal-ħwejjeġ li ħadu daqqa kbira, u hemm oħrajn li jbiegħu tagħmir elettroniku li sejrin tajjeb. 

'U wara l-11 ta' April, x'se jiġri?' tistaqsi l-gazzetta ILLUM. 

Hu jwieġeb  billi jfakkar li xejn mhu ċert u li huwa importanti hu li jkomplu jonqsu n-numri.  "Jiena naqbel mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, meta jgħid li rridu noqgħodu attenti li ma niftħux bl-għaġġla sabiex ma jintilfix staġun ieħor tas-sajf."

'Is-suppliment tal-paga hija tajba ħafna, imma xorta hemm telf kbir'

Mamo tesprimi wkoll l-istess sentiment ta' Farrugia u tgħid illi filwaqt li kien hemm negozji li kellhom ftit xogħol grazzi għall-vouchers, hemm mijiet ta' negozji oħrajn - bħal taxis, operaturi tat-tiġijiet u aġenziji tal-ivvjaġġar - illi ma kellhom kważi xejn xogħol. 

Hija ddeskriviet bħala "totalment mhux reali" l-istampa li jkun hemm min ipinġi illi bis- Suppliment tal-Paga u miżuri oħrajn - anke jekk tajbin ħafna - qed jiġu koperti l-ispejjeż. 

Joseph Farrugia (MEA)
Joseph Farrugia (MEA)

"Is-Suppliment tal-Paga hija għajnuna kbira.  Imma hawn min qed isofri telf kbir.  Ma ninsewx li ħafna nies li jħaddmu ħallsu s-suppliment u taw aktar flus minn hekk sabiex iżommu lill-impjegati."

Hija tfakkar li mhux faċli - b'self u bl-ispejjeż tal-ħajja - persuna tgħix b'madwar €700 - €750 fix-xahar għal sena sħiħa.

Tfakkar illi hemm il-kirjiet u li l-Gvern kien ħareġ skema biex jgħin għax ħafna sabuha diffiċli jikkonvinċu lis-sid biex inaqqas jew saħansitra jwaqqaf il-kirja.  Tesprimi tama li jerġa' jkun hemm xi ħaġa simili.

Abigail Mamo temmet tgħid illi f'ċerti setturi naqsu l-ħaddiema mhux għax tkeċċew, imma għax telqu huma.   Fil-fatt, tispjega, fil-qasam tal-avvenimenti l-ħaddiema naqsu b'madwar 40%, għax marru f'oqsma oħrajn fejn ma jitħallsux bis-suppliment tal-paga li qed joffri l-Gvern biss.

More in Politika