‘Id-domanda għall-vetturi elettriċi qed tiżdied iżda infrastruttura għalihom ma hawnx’

Il-pjan kien li Malta tkun mal-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li tagħmel bidla għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku iżda l-ammont tagħhom fit-toroq Maltin għadu ftit wisq. L-ILLUM titkellem ma’ kumpaniji li jbiegħu l-karozzi f’Malta biex tifhem aħjar jekk id-domanda hux qed tiżdied u x’qed iżomm lil Maltin milli jinvestu f’karozza hybrid jew li taħdem kompletament bl-elettriku

Fl-aħħar jiem erġajna smajna ħafna dwar il-karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Kellek il-Partit Nazzjonalista li ħareġ bi proposti biex jiżdiedu dawn il-vetturi, il-Gvern li beda l-proċess biex ibiddel il-vetturi tiegħu għal dawk elettriċi u anke statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istastika (NSO) li turi li għadna ftit lura mhux ħażin fejn jidħlu dawn il-vetturi.

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ uħud mill-importaturi ewlenin tal-karozzi f’Malta. Insistew li għalkemm għadhom ftit, id-domanda għalihom qed tiżdied u qed ikun hemm min imur jistaqsi esklussivament għalihom.

Madanakollu kollha qalu li jekk Malta trid li żżid il-karozzi elettriċi, trid tinvesti fl-infrastruttura għalihom. Saħqu li jeħtieġ li jkun hawn biżżejjed postijiet pubbliċi fejn is-sidien ikunu jistgħu jiċċarġjaw il-karozzi tagħhom.

“Hemm min ma għandux aċċess biex jiċċarġja dawn il-karozzi. Hemm min jgħix f’appartamenti u ma għandux garaxx fejn idaħħal il-karozza biex jiċċarġjaha,” insista wieħed mill-importaturi li tkellem mal-ILLUM. “Jekk mhux se jkun hemm investiment f’dan ir-rigward ħafna se jibqgħu xettiċi.”

Fejn jidħlu l-karozzi hybrid, jiġifieri karozzi li jaħdmu b’aktar minn sors wieħed ta’ enerġija, id-domanda hija akbar.

Kemm huma l-prezzijiet? ‘Allaħares ma jkunux l-iskemi tal-Gvern’

Tkellimna wkoll dwar il-prezz tal-karozzi elettriċi. Insistew li dawn jiswew aktar minn karozzi tradizzjonali.

“Jiswew ħafna aktar kieku ma hemmx inċentivi tal-Gvern. Kieku, kemm ix-xerrej u anke aħna naqtgħu qalbna,” insista wieħed mill-importaturi.

Ma’ importatur ieħor tkellimna aktar fid-dettall fuq il-prezzijiet.

Insista li karozza elettrika second hand li jkollha madwar 20 elf kilometru tkun tiswa madwar €13,000 u dan meta waħda li taħdem bil-fjuwil tkun xi €7,000.

“Mill-esperjenza nista’ ngħidlek li l-maġġoranza ta’ dawk li jiġu għandna għal karozza second hand ikollhom baġit ta’ €6,000,” saħaq.

Qal li l-irħas karozza elettrika li hawn bħalissa tibda minn €30,000.

Apparti minn hekk, insista l-istess importatur, ftit li xejn hawn persuni mħarrġa li jaħdmu biex isewwu karozzi elettriċi f’każ li dawn ikollhom il-ħsara fil-mutur.

“Forsi hawn wieħed jew tnejn,” saħaq. “Hekk il-prezzijiet jiżdiedu. Kull min jiġi bejn ħaltejn x’se jixtri, meta jistaqsuna dwar dan kollu u jara x’jaqbillu, se jagħżel karozza normali.”

Minkejja dan, l-istess importatur insista li s-settur sejjer f’din id-direzzjoni. “Ċert li dawn il-karozzi jindraw ukoll kif jindera kollox,” saħaq.

‘Il-futur ma naħsibx li huwa l-karozzi elettriċi imma...’

Il-gazzetta staqsithom ukoll kif iħarsu lejn is-settur fi żmien għaxar snin u jekk il-karozzi elettriċi humiex il-futur.

“Il-futur ma naħsibx li se jkunu l-karozzi li jaħdmu bl-elettriku,” insista wieħed mill-importaturi. “Naħseb li l-idroġenu (hydrogen) huwa l-futur.”

Ovvjament, komplew jisħqu, irid ikun hemm l-infrastruttura neċessarja biex wieħed jipproduċih.

“Dejjem tinqabad fiċ-ċirku tal-emmissjonijiet. L-enerġija trid tipproduċiha minn xi mkien,” insista wieħed minnhom.

Madanakollu, meta wieħed ipoġġi kollox fuq miżien, xorta waħda jibqa’ l-fatt li karozzi li jaħdmu b’sorsi oħra ta’ enerġija u mhux bil-fjuwil, iniġġsu inqas.

Fil-fatt, jeżistu studji li juru kif filwaqt li karozzi elettriċi jipproduċu aktar emissjonijiet biex jiġu mmanifatturati (aktar mill-karozzi li jaħdmu bil-fjuwil), f’temp ta’ tliet snin xorta waħda jniġġsu ħafna inqas, ġej minn fejn ġej is-sors.

Kemm hawn vetturi elettriċi f’Malta? Kemm żdiedu f’sena?

L-aħħar sondaġġ tal-NSO wera kif il-vetturi elettriċi jew hybrid, jammontaw għal 1.5% biss tal-vetturi li hawn f’Malta. Dan ifisser li f’Malta hawn 6,017-il vettura li jaħdmu bl-elettriku jew li huma hybrid. Vetturi elettriċi jammontaw għal 1,293. 

Meta mqabbel mal-aħħar tal-2019, iż-żieda fil-karozzi elettriċi jew hybrid kienet ta’ 2,309 vettura. Fil-fatt, sal-aħħar tal-2019, il-vetturi elettriċi jew hybrid kienu ammontaw għal 0.9% biss tat-total. Vetturi elettriċi kienu jammontaw għal 1,038.

Skemi għall-qalba tal-karozzi elettriċi jew hybrid

  • Refużjoni ta’ €7,000 meta persuna tirreġistra karozza elettrika jew hybrid wara li tkun skrepjat karozza li taħdem bil-petrol jew id-diesel u li jkollha minn tal-inqas għaxar snin
  • Refużjoni ta’ €6,000 meta persuna tirreġistra karozza elettrika jew hybrid mingħajr ma tiskrepja vettura oħra
  • Refużjoni ta’ €4,000 meta persuna tirreġistra karozza importata second hand li taħdem bl-elettriku jew li hija hybrid. Din ma jridx ikollha aktar minn 15,000 kilometru u mhux aktar antika minn tliet snin
  • Refużjoni ta’ €2,500 meta persuna tirreġistra quadricycle elettrika ġdida jew użata
  • Massimu ta’ €200,000 għal kumpaniji kummerċjali li jbidlu l-flotta tal-vetturi tagħhom għal dawk elettriċi jew hybrid
  • Massimu ta’ €20,000 għal dawk il-kumpaniji li jimportaw karozzi ġodda u li jkunu jridu jagħmlu xogħlijiet fuq il-garaxxijiet tagħhom biex jipprovdu servizzi għal karozzi elettriċi u jħarġu lill-istaff tagħhom dwar din it-teknoloġija ġdida
  • L-ebda taxxa ta’ reġistrazzjoni għal dawk il-vetturi kollha elettriċi, hybrid jew li jaħdmu biss bil-gass
  • Eżenzjoni mill-ħlas tal-liċenzja annwali tat-triq għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni

X’qed jgħidu l-politiċi u x’qed jipproponu?

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien ilu mill-2018 jisħaq li l-mira tal-Gvern hija li l-karozzi kollha f’Malta jkunu jaħdmu bl-elettriku jew sorsi oħra nodfa. Saħansitra kien insista li Malta tista’ tkun mal-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li tagħmel din il-bidla.

Intant, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi traħħis fit-tariffa ta’ matul il-lejl għal dawk li jiċċarġjaw il-karozza elettrika tagħhom minn 13ċ għal 10ċ5, traħħis ta’ 20%.

Il-PN poġġa wkoll it-trasformazzjoni lejn trasport elettriku bħala waħda mill-pilastri tal-viżjoni tiegħu għas-settur tal-enerġija.

Il-PN irrefera għal rapport tal-Kummissjoni Ewropea u saħaq li jekk ikun hawn 100,00 karozza li taħdem bl-elettriku, suppost li jkun hawn 10% ta’ dak l-ammont f’charging pillars. Madanakollu l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-enerġija insista li l-aħħar charging pilars li ġew installati f’Malta saru fl-2014.

Iżda l-Gvern fl-aħħar Baġit wiegħed li se jiġu installati taħlita ta’ 130  “medium-fast” u “fast- charging pillars” li se jkunu disponibbli għall-pubbliku inġenerali.

Din il-ġimgħa wkoll, il-Gvern ħareġ sejħa biex isir studju biex il-vetturi tas-settur pubbliku li jaħdmu bil-fjuwil jinbidlu għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku.

Huwa stmat li t-tniġġiż tal-arja joqtol nofs miljun persuna fis-sena fl-Unjoni Ewropea. F’Malta biss, it-tniġġiż tal-arja huwa responsabbli għal 220 mewta fis-sena.

More in Politika