Il-Memrbu Parlamentari Ewropew Malti Alex Agius Saliba ppreżenta studju li sar fl-aħħar xhur dwar l-użu tal-midja soċjali u l-internet f’pajjiżna. Dan l-istudju bl-isem ta’ ‘Digital Rights – A preliminary study on citizens’ awareness on the use of internet and social media’ jiffoka fuq erba’ binarji; Iċ-ċittadini u l-konsumaturi li jagħmlu użu mill-internet, il-vizzju, il-litteriżmu u l-privatezza.
L-Ewro-Parlamentari Agius Saliba qal li l-avvanzi kbar li saru matul l-aħħar snin fejn tidħol id-dinja diġitali rnexxielhom ibiddlu l-ħajja li ngħixu ta’ kuljum fejn ħafna mill-interazzjonijiet tagħna saru jsiru onlajn minflok wiċċ imb‘wiċċ kif konna imdorrijin sa ftit snin ilu. Iżda l-pjattaformi diġitali li sirna nużaw ta’ kuljum sabiex nagħmlu dan għandhom rwol kruċjali biex janalizzaw l-imġieba tagħna u fuq kollox, jieħdu ċertu data personali sabiex ir-reklamar tagħhom ikun aktar effettiv.
Fost bosta statistiċi u riżultati li ġew analizzati u li ħarġu minn dan l-istudju, huwa mifhum li aktar minn 20%, jiġifieri persuna minn kull ħamsa, jużaw il-midja soċjali għal aktar minn 4 sigħat f’ġurnata. Fl-istess ħin, aktar minn 82.3% ta’ dawk li jużaw dawn il-pjattaformi għal dawn il-ħinijiet twal, ammettew li dan sar vizzju f’ħajjithom.
Intqal ukoll kif fil-gżejjer Maltin, 24% tal-popolazzjoni ma tagħmilx użu mill-midja soċjali. Kif kien mistenni, l-akbar faxxa minn dan il-persentaġġ huma anzjani u l-persuni li għandhom l-inqas esperjenza edukattiva, b’waħda mir-raġunijiet ewlenin tkun għaliex jibżgħu jafdaw informazzjoni dwarhom ma’ dawn il-pjattaformi diġitali. Minkejja dan, ix-xejra maż-żgħażagħ hija waħda kemxejn li tikkuntrasta għaliex il-ġenerazzjoni żagħżugħa lesta li taqsam ħafna aktar informazzjoni privata dwarha, għaliex tħossha aktar komda fuq livell diġitali u għaliex għaliha dan huwa l-mod li bih jissoċjalizzaw.
Ir-riċerka turi biċ-ċar kif minkejja li l-Maltin jagħtu importanza kbira lill-privatezza ftit li xejn jieħdu azzjoni biex jipproteġuha online. Agius Saliba qal li flimkien ma’ aktar tagħlim hemm bżonn ukoll aktar għażliet li jsaħħu idejn min juża l-pjattaformi diġitali, speċjalment fil-kontroll tal-informazzjoni privata.
“Dan l-istudju huwa wieħed mill-ftit tax-xorta tiegħu għaliex qed jagħtina stampa ċara tal-isfera diġitali fil-gżejjer tagħna. Huwa biss permezz ta’ programmi edukattivi, b’mod speċjali għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, li nistgħu nindirizzaw l-aspett tal-użu tad-data personali filwaqt li anke nispjegaw l-effetti psikoloġiċi li dawn it-tipi ta’ pjattaformi jistgħu jħallu fuq l-imġieba ta’ dawk li jużawhom. L-unika mod kif wieħed jindirizza dawn ir-realtajiet b’mod effettiv huwa permezz ta’ riċerka ta’ dan it-tip li tgħina nagħmlu deċiżjonijiet infurmati.” sostna l-MPE Alex Agius Saliba.
Preżenti għall-pubblikazzjoni ta’ dan l-istudju kien hemm rappreżentanti ewlenin ta’ entitajiet governattivi li jaħdmu f’dan is-settur, is-sezzjoni tas-Cyber Crime fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, għaqdiet mhux governattivi u assoċċjazzjonijiet b’interess f’dan is-suġġett, u kif ukoll il-MPE Ġermaniża Alexandra Geese.