“Meta nkunu qed niddiskutu proposti bħal dawn, irridu nħarsu lejn l-effetti tagħhom, kemm jekk huma pożittivi kif ukoll jekk huma negattivi,” qal Camilleri lil gazzetta oħt, MaltaToday. “Jien ma rajtx proposta studjata sew mill-Oppożizzjoni, imma biss idea li dehret f’daqqa f’moħħ xi ħadd.”
Il-ġimgħa li għaddiet, il-kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li jixtieq jittestja ġimgħa tax-xogħol ta’ erbat ijiem f’ċerti dipartimenti tas-settur pubbliku, biex eventwalment tiġi estiża wkoll għas-settur privat bi skemi ta’ inċentivi.
Mistoqsi jekk l-oppożizzjoni għall-proposta kinitx qed issir biss għax ġiet mill-kap tal-Partit Nazzjonalista, Camilleri ċaħad din is-suġġeriment, u qal li “m’hemmx lok għal politika partiġġjana” fis-settur tal-impjiegi.
“Tista’ jkollok problemi relatati mal-produttività, ma’ xogħlijiet ta’ livell baxx ta’ ħiliet, u jista’ jkun li jkollok bżonn iġġib aktar ħaddiema barranin biex timla l-vojt,” qal il-ministru.
Camilleri żied jgħid li l-gvern qatt ma beża’ jieħu deċiżjonijiet kbar biex itejjeb is-settur, u semma r-riformi li saru matul is-snin.
“Aħna miftuħin biex nieħdu deċiżjonijiet kbar, iżda irridu niżguraw li l-impatt tagħhom fuq is-settur tal-impjiegi u l-ekonomija jkun studjat sew,” sostna.
Camilleri temm jgħid li jekk hemm min għandu kredibbiltà fis-settur tal-impjiegi, dan hu l-Partit Laburista, “li ġie kritikat talli ħoloq wisq xogħol fil-pajjiż.”