Yorgen Fenech kellu ritratt tat-termini tal-maħfra għal Melvin Theuma

Arnaud qal li l-oriġini tar-ritratt mhuwiex magħruf imma Fenech kien qalilhom li Keith Schembri kien bagħtulu

Tul il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, qed tkompli toħroġ aktar informazzjoni dwar kemm l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kellu f'idu informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni.

Fil-fatt, l-Ispettur Keith Arnaud, li qed imexxi l-investigazzjoni, qal li Fenech kien staqsa lil Keith Schembri dwar il-maħfra presidenzjali għal Melvin Theuma u saħansitra talab l-abbozz tat-termini tagħha.

Skont l-Ispettur, Fenech stess kien ġibed l-attenzjoni tal-Pulizija għal ritratt li kellu fil-mowbajl u li kien juri l-abbozz tat-termini tal-Maħfra Presidenzjali.

Arnaud qal li l-oriġini tar-ritratt mhuwiex magħruf imma Fenech kien qalilhom li Keith Schembri kien bagħtulu.

L-Avukat Jason Azzopardi staqsa minn kellu aċċess għat-termini tal-maħfra sa dak iż-żmien. Arnaud qal li hu kellu aċċess, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Melvin Theuma, l-intermedjarju tal-assassinju, kien ingħata l-Maħfra Presidenzjali biex jikxef dak li jaf.

Aqra aktar:

‘Hemm bżonn nitkellmu, jien, int u K’ – messaġġ bejn Yorgen Fenech u Joseph Muscat

More in Politika