‘Hemm bżonn nitkellmu, jien, int u K’ – messaġġ bejn Yorgen Fenech u Joseph Muscat

Lejliet li ġie arrestat, Yorgen Fenech bagħat ukoll messaġġ lil Keith Schembri jgħidlu biex ma jħallihx waħdu

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Illum kien imiss lill-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher għall-familja Caruana Galizia, biex jagħmel il-kontro eżemi tal-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-investigazzjoni.

Jason Azzopardi, fost oħrajn, staqsa lil Arnaud jekk Fenech qattx bagħat messaġġ lil Joseph Muscat jgħidlu li hemm bżonn jiltaqgħu.

Arnaud jikkonferma u jisħaq li fil-mowbajl ta’ Fenech instab messaġġ li jgħid hekk: ‘Hemm bżonn nitkellmu. Jiena, inti u K.”

Dan il-messaġġ kien mibgħut f’Jannar 2019 u Joseph Muscat wieġbu fl-affermattiv.

Il-Whatsapp group infetaħ jumejn wara l-arrest tal-aħwa Degiorgio u Muscat

Keith Arnaud ikkonferma wkoll li l-Whatsapp group bejn Joseph Muscat, Keith Schembri u Yorgen Fenech infetaħ jumejn wara li George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat tressqu l-Qorti.

"Jekk mhux sejjer żbaljat, kien Joseph Muscat li fetaħ dan il-grupp," qal Arnaud.

Ikkonferma wkoll li l-Pulizija staqsew lil Muscat dwar dan il-grupp meta kien interrogat f'Awwissu li għadda. Qal li dawn iċ-chats ma kellhomx x'jaqsmu mal-assassinju.

F'chat separata, Fenech kien skuża ruħu ma' Muscat għax ma kienx kellmu. Qallu li staħa għax kien imdawwar ma' ħafna nies.

"K" kellu jiċċekja jekk l-Ajruport hux sigur"

Tul ix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Keith Arnaud kien mistoqsi dwar l-allegat pjan ta’ Yorgen Fenech biex jaħrab mill-pajjiż u hawn reġa’ kien hemm referenza għal ‘K’ li jissemma’ fil-messaġġ bejn Fenech u Muscat.

Fil-fatt, Arnaud saħaq li l-investigaturi bdew jiġihom suspett li Fenech kien se jipprova jaħrab minħabba messaġġi mibgħuta bejn l-istess akkużat u zijuh Ray Fenech.

Fost dawn il-messaġġi, kien hemm wieħed li jindika li Fenech ried li jaħrab lejn l-Italja u mbagħad lejn Soloi fi Franza.

“Iċċekja jekk l-ajruport hux sigur,” kien jgħid wieħed mill-messaġġi. It-tweġiba kienet fin-negattiv.

“K” jissemma bħala dak li kellu jiċċekja jekk l-ajruport huwiex sigur. Hawn “K” qed jittieħed bħala referenza għal Keith Schembri.

Fenech jitlob ukoll lil Ray biex jieħu ħsieb lil uliedu u biex ma jużax karti tal-kreditu.

Arnaud qal li kien hemm arranġamenti wkoll għal karozza fl-Italja.

Azzopardi staqsa wkoll jekk kien hemm kuntatt ma’ operatur ta’ private jet, lejliet li Fenech ġie arrestat.

Arnaud qal li sabu konverżazzjoni bejn ‘Merwan’ u ‘Mer 1’ dwar il-possibbilità ta’ “titjira” li kellha titlaq dakinhar stess filgħaxija għal Nice fi Franza.

'Tħallinix waħdi' - Yorgen Fenech lil Keith Schembri

Skont Arnaud, Yorgen Fenech qal lill-Pulizija dak li qallu Keith Schembri lejliet li ġie arrestat.

L-Ispettur qal li dak li qal Fenech waqt l-interrogazzjoni, jaqbel ma’ dak li nstab fuq il-mowbajl.

“Tħallinix waħdi,” jikteb Fenech lil Schembri u jistaqsih ukoll: “ġejjin illum.”

Schembri jwieġbu: “Leee.”

Yorgen, Keith u l-maħfra għal Melvin Theuma

L-Ispettur Keith Arnaud qal ukoll li Fenech kien staqsa lil Keith Schembri dwar il-maħfra presidenzjali għal Melvin Theuma u saħansitra talab l-abbozz tat-termini tagħha.

Skont l-Ispettur, Fenech stess kien ġibed l-attenzjoni tal-Pulizija għal ritratt li kellu fil-mowbajl u li kien juri l-abbozz tat-termini tal-Maħfra Presidenzjali.

Arnaud qal li l-oriġini tar-ritratt mhuwiex magħruf imma Fenech kien qalilhom li Keith Schembri kien bagħtulu.

L-Avukat Jason Azzopardi staqsa minn kellu aċċess għat-termini tal-maħfra sa dak iż-żmien. Arnaud qal li hu kellu aċċess, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Xahrejn wara li nqatlet Daphne kellha tikxef informazzjoni dwar l-Electrogas

Wara l-kontro eżami ta' Arnaud, kien imiss ix-xhieda ta' iben Daphne, Matthew Caruana Galizia, li saħaq li hu u ommu kienu ilhom mill-2017 jaħdmu fuq informazzjoni li kienu jirċievu dwar il-ftehim tal-Electogas.

Insista li kellhom ħafna informazzjoni u l-pjan kien li jikxfu l-informazzjoni kollha li kellhom fl-aħħar tas-sena, iżda saħaq li ommu nqatlet qabel dan seta' jseħħ.

Insista li Yorgen Fenech kien fiċ-ċentru ta' dan il-proġett mill-bidu nett.

"Shareholders oħra kienu jibżgħu minnu," insista Caruana Galizia u saħaq li kienu jiddependu fuqu meta jkun hemm bżonn l-għajnuna ta' xi politiku.

Qal li kull darba li l-kumpanija riedet xi pjaċir mingħand Konrad Mizzi jew il-Prim Ministru, qabel kienu jmorru għand Yorgen Fenech u kien hu li mbagħad kien ikellem lil Mizzi jew lil Muscat.

"Kien ċar mill-bidu li dan kien il-motiv wara l-assassinju," insista.

More in Politika