Filmat | Fearne u Spiteri jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19; L-anzjani ta' 80 sena jew aktar se jibdew jirċievu l-appuntamenti

Minn għada wkoll se jibdew jitlaqqmu l-ispiżjara li jaħdmu fil-komunità

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri, dalgħodu ngħaqdu flimkien biex jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, il-Ministru Fearne insista li x-xjenza dejjem irnexxielha tirbaħ lill-mard u qal li jinsab fiduċjuż li l-istess se jiġri fil-każ tal-vaċċin.

Il-Ministru insista li l-programm tat-tilqim miexi b'ritmu tajjeb u fil-fatt minn għada se jibdew jieħdu l-vaċċin l-ispiżjara u l-istaff li jaħdmu fl-ispiżeriji fil-komunità.

Apparti minn hekk, kompla jispjega Fearne, minn għada wkoll se jibdew jintbagħtu l-ittri bl-appuntamenti lill-anzjani kollha li għandhom 'il fuq minn 80 sena biex mill-ewwel ġimgħa ta' Frar, jiġifieri mill-ġimgħa d-dieħla, anke dawn jibdew jieħdu l-vaċċin.

Il-mira hija li sa Mejju jkunu tlaqqmu l-anzjani kollha li għandhom 'il fuq minn 70 sena, il-ħaddiema tas-saħħa kollha u anke l-persuni l-oħra vulnerabbli.

"Sa Settembru nkunu lħaqna l-immunità tal-komunità," saħaq Fearne.

Appella biex kulħadd jilqa' l-appuntament li qed isiru u jemmen fix-xjenza u mhux fis-superstizzjonijiet, filwaqt li anke minn jieħu l-vaċċin għalissa għandu joqgħod attent u jsegwi r-regolamenti.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, Stephen Spiteri, ingħaqad ma' Fearne u appella biex kulħadd jieħu l-vaċċin.

Saħaq li biex il-Covid-19 jingħeleb hemm żewġ fatturi importanti, jiġifieri l-vaċċin u anke l-aċċettazzjoni tiegħu.

"Illum tajna messaġġ ċar li anke aħna nemmnu f'dan il-vaċċin," saħaq Spiteri.

Ingħaqad ma' Fearne u appella biex kulħadd jibqa' jħares ir-regoli kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa.

"Nawgura li nkomplu, anzi nżidu dan ir-ritmu, kif jidher li se jsir," temm jgħid Spiteri.

More in Politika