L-ewwel anzjani f'San Vinċenz de Paul jibdew jingħataw it-tieni doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19

Sal-aħħar ta’ Frar hu mistenni li jkunu tlaqqmu bit-tieni doża l-anzjani fid-djar kollha tal-anzjani, inkluż dawk privati

F’San Vinċenz de Paul, l-ewwel anzjana li kienet ħadet l-ewwel doża tat-tilqima kontra l-COVID-19 ingħatat it-tieni doża.

Hija kienet l-ewwel anzjana f’Malta li ngħatat din it-tilqima.

“Hekk kif issa r-residenti kollha f’San Vinċenz del Paul li aċċettaw li jitlaqqmu ngħataw l-ewwel doża tat-tilqima kontra l-Covid-19, jiġifieri 878 anzjan, mil-lum se tibda tingħata t-tieni tilqima lill-anzjani, filwaqt li fl-istess ħin se nassiguraw li l-impjegati jitlaqqmu wkoll,” qal il-Ministru Michael Farrugia. 

Sa nofs Frar mistenni li dawn l-anzjani f’San Vinċenz de Paul ikunu ngħataw it-tieni doża tat-tilqima, filwaqt li sal-aħħar ta’ Frar hu mistenni li jkunu tlaqqmu bit-tieni doża l-anzjani fid-djar kollha tal-anzjani, inkluż dawk privati.

More in Politika