Sant jesprimi dubju dwar it-trasparenza tal-istrateġija tal-UE għat-tilqim kontra Covid-19

Alfred Sant qed jisħaq li għad fadal ħafna mistoqsijiet xi jsiru dwar it-trasparenza fil-proċess ta’ tqassim tal-vaċċini

L-Ewroparlamentari Laburista, Alfred Sant, esprima d-dubji tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar it-tilqim tal-Covid-19 u insista li għad fadal ħafna mistoqsijiet xi jsiru dwar it-trasparenza fil-proċess ta’ tqassim tal-vaċċini.

Fi stqarrija, Sant saħaq li permezz tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Vaċċini mnedija f'Ġunju 2020, il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat u kkonkludiet ftehim ta’ xiri bil-quddiem ma' żviluppaturi tal-vaċċini f'isem il-pajjiżi tal-UE.

L-Unjoni Ewropea tkopri parti mill-ispejjeż tal-produtturi għad-dritt li jixtru ammont speċifikat ta’ dożi tal-vaċċin fi żmien definit u bi prezz partikolari, ladarba jingħataw awtorizzazzjoni għas-suq.

Matul dibattitu fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant qal li d-direzzjoni komuni tal-UE dwar strateġija biex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ vaċċin COVID-19, u l-immunizzazzjoni eventwali tal-popolazzjoni, kien ta’ min ifaħħru u ħaqqu appoġġ ġenerali.

Madanakollu, insista li għad fadal ħafna dubji dwar l-implimentazzjoni tagħha. Fakkar li qamu lmenti dwar ir-ritmu ta’ kif jitwasslu l-vaċċini fuq livell Ewropew. 

“Kif saru l-arranġamenti? Kif issa qed jiġu riveduti? U liema restrizzjonijiet tħallew jantiċipaw l-manifattura tal-vaċċin minn firxa usa’ ta' parteċipanti fis-suq? Kien każ sempliċi ta’ aċċettazzjoni li taħt ir-regoli tas-suq ħieles, il-kumpaniji farmaċewtiċi kellhom bżonn iżommu drittijiet esklussivi fuq il-produzzjoni tal-vaċċini? U x'inhu l-pjan għal distribuzzjoni f'waqtha tal-vaċċini madwar id-dinja?", staqsa Alfred Sant.

More in Politika