'Il-problema mhux li jiġu eletti nisa, imma li jkunu jistgħu jiffunzjonaw bħala deputati' - Grech

Huwa jisħaq li d-Deputati għandhom ikunu full time u li l-Liġi għandha tikkunsidra wkoll nisa kandidati ma' partiti li mhumiex il-PN u l-PL

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech

Il-Kap Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal illi l-liġi mressqa mill-Gvern għall-ugwaljanza hija pass tajjeb imma mhijiex biżżejjed waħedha.  "Aħna nemmnu li l-mara m'għandha bżonn lil ħadd biex timxi 'l quddiem u tipprogressa ... il-problema mhux li jiġu eletti, imma li jkunu jistgħu jiffunzjonaw.  Ejjew nwittu l-ostakoli li għandhom in-nisa biex jidħlu fil-politika," qal Grech.  Huwa sostna li sfortunatament, minkejja l-avvanzi li saru, għad hemm ħafna min jaħseb li d-dar u l-familja hija responsabilità tal-mara u allura staqsa kif se ngħinu lil dik il-mara li għandha l-karriera, tfal u dar u li tixtieq toħroġ għall-politika. 

Għalhekk reġa' ppropona li d-deputati jsiru full time - sabiex il-Parlament ikun il-karriera professjonali tagħhom.  

Grech qal ukoll li skont emenda tal-PN, il-PM għandu jkollu l-abbilità li jdaħħal lil uħud minn dawn in-nisa fil-Kabinett, filwaqt li fakkar illi din il-liġi għandha tgħodd ukoll għal nisa li jkunu kandidati ma' partiti oħrajn.  "Ma nemmnux li din il-liġi taħdem biss jekk ikun hemm il-PN u l-PL fil-Parlament imma anke jekk ikun hemm partiti oħrajn." 

"Kien diżappuntat li minkejja l-ħafna eloġji, il-Prim Ministru lbieraħ ma sabx il-kuraġġ li jikkongratula lil Roberta Metsola.  Jigifieri lanqas f'din id-diskussjoni dwar in-nisa, il-PM ma kellu l-kuraġġ jikkongratula lil mara - li ġejja minn naħa l-oħra tal-ispettru politiku -  li qed tagħmel suċċess għaliha u għal art twelidha," saħaq Grech.  Il-PM Abela kien irrifjuta li jifraħ lil Metsola meta hi saret il-Viċi President tal-Parlament Ewropew. 

 

More in Politika