Edward Scicluna daqshekk Ministru għall-Finanzi; Jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali

Scicluna kien ilu seba' snin Ministru għall-Finanzi u qabel l-2013 kien ukoll Membru tal-Parlament Ewropew

Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jaħtar lill-Ministru Edward Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali u għalhekk mhux se jkun qed jibqa' Ministru għall-Finanzi u lanqas Deputat Parlamentari.

Hu se jkun qed jieħu post Dr Mario Vella li nħatar bħala Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Negozju mar-Renju Unit.

Dan fid-dawl li fl-1 ta’ Jannar 2021 se jkun qed jintemm il-perjodu tranżitorju ta’ Brexit u fir-Renju Unit jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda f’setturi differenti li jħallu impatt sinifikanti fuq pajjiżna.

Għalhekk, il-Professur Edward Scicluna se jkun qiegħed jirriżenja minn Ministru għall-Finanzi fil-jiem li ġejjin, u minn deputat tal-Parlament Malti sal-aħħar tas-sena.

Fi stqarrija, il-Gvern irringrazzja lill-Ministru Sciculna tax-xogħol li wettaq bħala ministru għall-finanzi fis-seba’ snin li għaddew. Fil-fatt, dak li ressaq ix-xahar li għadda, kien is-seba' baġit tal-Ministru Scicluna. Qabel ġie elett fil-Parlament Malti, fl-2013, Scicluna kien ukoll Membru tal-Parlament Ewropew.

Il-Gvern irodd ħajr ukoll lil Dr Mario Vella tal-ħidma importanti li wettaq bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u tad-direzzjoni strateġika li ta lil din l-istituzzjoni kruċjali għall-pajjiżna.

Din l-aħbar tkompli wkoll tindika li l-Prim Ministru se jkun qed iħabbar reshuffle fil-jiem li ġejjin. Apparti li jrid jaħtar Ministru għall-Finanzi, kollox jindika, kif żvelat il-gazzetta ILLUM, li se jkun qed jagħti Ministeru importanti lil Miriam Dalli li ġiet eletta b'co-option fil-ġimgħat li għaddew.

Ġie elett b'co-option ukoll Clyde Caruana, Chief of Staff ta' Kastilja. Fil-fatt Caruana huwa l-aktar li qed jissemma biex jieħu post Scicluna bħala Ministru għall-Finanzi.

More in Politika