Filmat | Konrad Mizzi u Keith Schembri jinħelsu mill-Pulizija wara sigħat ta' interrogazzjoni

Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu taħt arrestat fid-Dipartiment għall-Investigazzjonijiet ta' Reati Finanzjarji 

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi li kienu jinsabu taħt arrest fid-Dipartiment għall-Investigazzjonijiet ta' Reati Finanzjarji tħallew jitilqu mill-Pulizija wara sigħat ta' interrogazzjoni, li fil-każ ta' Mizzi damet ftit aktar minn 24 siegħa.

Kienu l-Pulizija stess li dalgħodu marru jiġbru lil Schembri mid-dar tiegħu fil-Mellieħa wara li Mizzi inġabar ilbieraħ u qatta' l-lejl fil-binja.

Għall-ħabta tad-9:10am, l-Avukati ta' Schembri dehru dieħla ħdejn il-klijent tagħhom iżda ma kkumentawx dwar ir-raġuni tal-interrogazzjoni. Aktar tard waslu wkoll l-Avukati ta' Konrad Mizzi.

Iż-żewġ timijiet legali telqu mid-Dipartiment għall-Investigazzjonijiet ta' Reati Finanzjarji iżda ma taw l-ebda kummenti. Qalu biss li mhux huma jiddeċiedu kemm il-klijenti tagħhom jinżammu arrestati.

Schembri kien ġie arrestat f'Settembru li għadda b'rabta ma' allegazzjoni ta' tixħim ta' madwar €100,000 li ħa mingħand l-awditur tiegħu Brian Tonna mill-bejgħ tal-passaporti. Huwa kien jinsab fuq police bail.

Hu kien ġie arrestat wara li l-Qorti kienet ordnat li jiġu ffriżati l-assi tiegħu, tal-familja u anke tal-kumpaniji li fihom għandu sehem. Fil-fatt, kienet ġiet konkluża inkjesta u r-rapport tagħha jinsab għand l-Avukat Ġenerali.

Kien f'April tal-2017 meta bdiet din l-inkjesta u dan wara li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kien għadda dokumentazzjoni lill-istess Maġistrat.

More in Politika