Mil-lum beda jingħata s-servizz tar-rapid testing għall-Covid-19 fiċ-ċentru l-ġdid tal-Furjana

Il-ġimgħa d-dieħla se jiftaħ swabbing hub ieħor tar-rapid testing fit-Tramuntana ta’ Malta

Żewġ testing hubs ġodda se jibdew jittestjaw għall-COVID-19, din id-darba permezz tar-rapid testing u dan hekk kif bdew jaslu l-eluf ta’ rapid testing kits.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega kif dawn ir-rapid testing kits daħlu fis-suq internazzjonali riċentament u ġew klinikament approvati li huma effiċjenti fir-riżultati mogħtija.

Il-Ministru Fearne spjega li mil-lum stess beda jingħata s-servizz tar-rapid testing mill-hub il-ġdid tal-Furjana u li l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed jiftaħ swabbing hub ieħor tar-rapid testing fit-Tramuntana ta’ Malta.

“B’hekk se jkun possibbli li nagħmlu mal-elf rapid test kuljum mingħajr xkiel lill-eluf ta’ testijiet normali li qed isiru ta’ kuljum fis-sitt hubs eżistenti.”

Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li l-pjan hu li r-rapid testing ikun offrut lill-istaff tad-djar tal-anzjani, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fl-iskejjel u lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, fost oħrajn.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru ta elenku tal-miżuri mħabbra fil-Baġit 2021, fejn aċċenna kif 2021 hija sena rekord għall-baġit allokat għall-qasam tas-saħħa, li se jammonta għal madwar €824 miljun.

Fost oħrajn, Chris Fearne semma li matul is-sena d-dieħla se jkomplu jiżdiedu aktar mediċini fuq il-formularju tal-gvern bħal mediċini għall-osteporożi, mediċini psikjatriċi u mediċini għall-HIV.

“Ta’ min isemmi li din is-sena wkoll daħħalna mediċini importanti fuq il-formularju tal-gvern fosthom mediċini għall-prostata li minnhom qegħdin jibbenefikaw madwar 15,000 raġel u t-tilqim tal-pneumoccoccal u meningiococcal li qegħdin jingħataw lit-trabi kollha li twieldu minn din is-sena”, fakkar id-Deputat Prim Ministru.

Semma wkoll diversi proġetti kapitali li qegħdin isiru fil-qasam tas-saħħa, fosthom iċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex, li mistenni jkun lest is-sena d-dieħla, il-binja l-ġdida tal-Outpatients u l-parkeġġ il-ġdid ta’ Mater Dei li mistennija jitlestew fis-sena 2024, u l-isptar għall-kura akuta psikjatrika li mistenni jkun lest fl-2024.

More in Politika