Il-UPE toħroġ direttivi oħra u tagħti ultimatum sa nofsilejl qabel tieħu azzjoni ulterjuri

Il-UPE kellha laqgħa lbieraħ mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex ikun diskuss l-għeluq tal-iskejjel u jkun hemm ħidma favur it-tagħlim onlajn

Il-Unjin tal-Edukaturi Professjonali ħarġet sett ġdid ta' direttivi waqt li tat ultimatum lill-Gvern qabel ma tieħu azzjoni ulterjuri u dan hekk kif id-diskussjonijiet mal-Ministeru ma jidher li ħallew l-ebda frott.

Fi stqarrija, il-UPE saħqet li sa issa d-diskussjonijiet dwar il-proposta tagħha għat-tagħlim onlajn ma ħallew l-ebda frott.

Il-unjin qed tisħaq li l-ministeru qed jitfa' l-ballun fuq l-awtoritajiet tas-saħħa għad-deċiżjonijiet u l-awtoritajiet tas-saħħa jagħmlu l-istess mill-banda l-oħra.

Fil-fatt, il-UPE kellha laqgħa lbieraħ mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex ikun diskuss l-għeluq tal-iskejjel u jkun hemm ħidma favur it-tagħlim onlajn.

'Min-naħa tal-Ministeru kien hemm biss tweġibiet vagi u ma ntwera l-ebda tħassib għas-settur tal-edukazzjoni," kompliet il-unjin.

Għalhekk, il-unjin se tkun qed tagħti ċans sal-lejla f'nofsilejl qabel tħabbar azzjoni ulterjuri.

Bid-direttivi ġodda mħabbra llum, l-għalliema tagħha li jagħlmu fil-kindergarten qed ikunu mħeġġa jieqfu jagħtu lezzjonijiet.

Edukaturi fl-iskejjel primarji qed ikunu mħeġġa ma jaċċettawx l-ebda bidla fl-iskeda tagħhom tax-xogħol u biex ma jagħmlu l-ebda xogħol żejjed.

L-LSEs mhux se jkunu qed jaċċettaw li jgħinu studenti oħra, ħlief lil dawk li huma assenjati lilhom. 

More in Politika