Schembri u 22 persuna għall-Qorti Kostituzzjonali għax jgħidu li qed jinkisrulhom id-drittijiet tagħhom

Dan wara li l-Qorti ffriżat l-assi ta' 91 persuna jew kumpanija relatata ma' Schembri, wara li kienet konkluża inkjesta maġisterjali

L-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u diversi diretturi ta' kkumpaniji li tagħhom huwa s-sid, fetħu proċeduri legali fil-Qorti Kostituzzjonali fuq il-fatt ili l-Qrati ffriżaw l-assi tiegħu, ta' martu u ta' għexieren ta' kumpaniji li għandu rabtiet magħhom jew inkella li fihom għandu sehem. 

Dan seħħ sigħat wara li kienet konkluża inkjesta maġisterjali dwar allegat tixħim mill-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, liema allegazzjonijiet kienu saru mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.  Implikat fl-allegazzjonijiet hemm Brian Tonna, Managing Partner ta' Nexia BT, il-kumpanija li fetħet il-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri (Tillgate), tal-eks Ministru Konrad Mizzi (Hearnville) kif ukoll li fetħet il-kumpanija Egrant. 

Kien l-iżvelar ta' emails ta' Karl Cini minn konsorzju ta' ġurnalisti li kixef illi il-kumpaniji ta' Schembri u Mizzi kienu se jieħdu $2 miljun fl-ewwel sena biss minn proġetti fil-Bangladesh u l-Afrika, fost oħrajn.  Dawn - id-Daphne Project - kixfu wkoll li 17 Black kienet target client ta' dawn il-kumpaniji u li f'din il-kumpanija bbażata fid-Dubaj daħlu $1.6 miljun. Wara rriżulta li 17 Black kienet ta' Yorgen Fenech - illum akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u li qed jimplika lil Keith Schembri miegħu.  Fenech qed jisħaq li Schembri kien wara l-qtil ta' Caruana Galizia u li kien diġa' ħallas sa €80,000.

B'kollox apparti Schembri, hemm 22 persuna oħra li qed jieħdu dan il-pass.  Huma qed jisħqu li l-iffriżar tal-assi jikser id-drittijiet fundamentali tagħhom għaliex jikser id-dritt ta' smigħ xieraq u d-dritt li jgawdu l-proprjetà tagħhom.  Huma qed jgħidu li l-ordni tal-Qorti qed twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem għaliex għandhom dritt ma jiġux ikkastigati ladarba għad m'hemmx akkuża kontrihom.

B'kollox hemm 91 persuna jew kumpanija li ġew milqutin minn din l-ordni ta' ffriżar tal-assi, inkluż Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna minn Nexia BT li ġew arrestati bħal Schembri.

More in Politika