Minn Mizzi sa Delia ... Il-glorja, il-waqgħat, in-nuqqasijiet u l-gambetti tal-kapijiet tal-PN

Il-gazzetta ILLUM b’ħarsa storika u analitika dwar il-kapijiet tal-Partit Nazzjonalista. X’kienu l-akbar kisbiet tagħhom? Fejn naqsu? Ingħataw gambetti minn sħabhom?

Fortunato Mizzi (Fundatur)

Fortunato Mizzi huwa meqjus bħala l-fundatur tal-Partit Nazzjonalista. Mizzi kien waqqaf il-Partito Anti-Riformista (Partito Nazionale) fl-1880 li eventwalment sar il-Partit Nazzjonalista li nafu llum.

Fil-fatt, ħafna jqisu lil Mizzi bħala Missier il-Patrija u dak li beda t-triq biex Malta kisbet l-indipendenza.

Fortunato Mizzi
Fortunato Mizzi

Mizzi kien magħruf għall-ġlieda tiegħu favur id-drittijiet tal-Maltin u kien waqqaf dan l-ewwel grupp politiku propju biex jikkumbatti lill-Ingliżi. Ħadem għal tliet għanijiet: it-tfassil ta’ kostituzzjoni liberali għal Malta, id-difiża tar-reliġjon Kattolika u t-tradizzjonjiet Maltin u l-promozzjoni tal-kultura Latina u Ewropea ta’ Malta. 

Fil-fatt, huwa kien membru tal-Komunità Pro-Taljana u fi żmien il-kwistjoni tal-lingwa kien favur l-użu uffiċjali tat-Taljan f’Malta.

Huwa missier Enrico Mizzi, li eventwalment sar Prim Ministru ta’ Malta. 

Sir Ugo P. Mifsud
Sir Ugo P. Mifsud

Sir Ugo P. Mifsud u Nerik Mizzi (1926 - 1942)

Sir Ugo. P. Mifsud kien avukat ta’ fama kemm Malta u anke barra minn Malta.  Huwa kien elett Segretarju tal-Assemblea Nazzjonali wara li Sir Filippo Sciberras kien mexxa l-Assemblea biex tikteb abbozz ta’ Kostituzzjoni biex tingħata lill-Gvern Ingliż. 

Fl-1921, Sir Ugo Mifsud kien ikkonesta l-elezzzjoni mal-Unione Popolare Maltese (UPM) u fl-1924 sar Prim Ministru. 

Meta fl-1926 ngħaqdu l-UPM u l-PDN ta’ Enrico Mizzi huwa sar ko-mexxej ma’ Mizzi f’dak li issa beda jissejjaħ Partito Nazionalista. Huwa kien elett ukoll fl-1927 u mill-ġdid fir-rebħa kbira li l-PN kiseb fl-1932. Huwa baqa’ Prim Ministru sal-1933.

Fl-1932 huwa kien parti minn delegazzjoni tal-Gvern li telgħet Londra u ssottomettiet quddiem is-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji, Sir Philip Cunliffe, it-talba uffiċjali biex Malta titpoġġa taħt id-Dominion Office bħala membru indipendenti tal-Commonwealth. 

Fl-1939 huwa kien elett membru tal-Kunsill tal-Gvern. Huwa miet fid-9 ta’ Frar tal-1942 b’attakk tal-qalb waqt li kien qed jieħu sehem b’passjoni f’dibattitu tal-Kunsill kontra l-intenzjoni tal-Gvern Ingliz li jiddeporta diversi ċittadini Maltin. (Aqra aktar dwar dan fil-kaxxa dwar Nerik Mizzi).

Nerik Mizzi
Nerik Mizzi

Nerik Mizzi (1942 – 1950)

L-opinjonijiet dwar Enrico jew Nerik Mizzi huma mħallta. Kien hemm min jarah bħala ossessjonat li jqarreb kemm jista’ lil Malta lejn l-Italja, u għal xi wħud kien bniedem li ħajtu ddedikaha għal pajjiżu u għall-ħidma tiegħu lejn pajjiżu. 

Il-karriera politika tiegħu tista’ tgħid li bdiet f’Novembru tal-1915 meta ħareġ bħala kandidat għal Għawdex – fejn ingħata appoġġ liema bħalu. Ħadem bis-sħih biex jikseb Kostituzzjoni liberali mill-Ingliżi, l-istess kif għamel missieru. 

Fl-1921 Nerik ifforma l-Partito Democratico Nazionale, li fl-istess sena tella’ erba’ kandidati fuq Għawdex. Wara l-elezzjonijiet tal-1924 il-partit ta’ Nerik ifforma gvern ta’ koalizzjoni mal-Unione Politica Maltese (ta’ Sir Ugo P. Mifsud) u fl-1926 dawn iż-żewġ partiti ingħaqdu u saru il-Partito Nazionalista.

Mizzi kien magħruf bħala “cavaliere senza macchia e senza paura” – kavallier bla tebgħa u bla biża’

Fit-30 ta’ Mejju tal-1940 filwaqt li Mizzi kien il-Malta Printing Press, ġie arrestat u miżmum fil-Fortizza tas-Salvatur. Fi Frar tal-1942, il-Gvernatur ħareġ warrant għad-diportazzjoni ta’ 47 Maltin għall-Uganda – fosthom kien hemm Nerik Mizzi.

Waqt l-eżilju tiegħu, Mizzi kien jagħmel dak li jista’ biex iżomm aġġornat mas-sitwazzjoni politika f’Malta. Huwa żamm f’kuntatt mal-Membri Nazzjonalisti Eletti l-oħra tal-Kunsill tal-Gvern – Gorg Borg Olivier u Giuseppe Schembri. 

Nerik irritorna Malta fl-1945. Xammar mill-ewwel il-kmiem u ftit jiem wara attenda l-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Gvern u ħadem biex jorganizza l-PN mill-qiegħ. Ta’ min isemmi li fost l-akbar kritiċi tiegħu kien hemm il-gazzetta ta’ Strickland li kienu jpenġuh bħala traditur u li għandu simpatija lejn l-Italja faxxista. 

Wara l-elezzjoni tal-1950, Nerik Mizzi kien mitlub jifforma Gvern ta’ minoranza u f’Settembru tal-1950 sar Prim Ministru. Huwa miet tliet xhur wara. Fil-fatt kienu l-uniku Prim Ministru Malti li miet fil-kariga. 

Giorgio Borg Olivier
Giorgio Borg Olivier

Giorgio Borg Olivier (1950 – 1977)

Ġorġ Borg Olivier jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aktar kapijiet maħbuba tal-Partit Nazzjonalista u li xi ftit jew wisq sab ruħu f’sitwazzjoni simili għal dik li sab ruħu fiha l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Fil-fatt, l-aħħar snin ta’ Borg Olivier fil-politika kienu kkaraterizzati minn qasma fil-PN u kwistjonijiet personali. Minkejja dan, forsi għall-kuntrarju ta’ Delia, Borg Olivier kellu ż-żmien ta’ glorja tiegħu, partikolarment meta wassal biex Malta kisbet l-indipendenza fl-1964, kisba importanti u li l-Partit Nazzjonalista għadu jiftaħar biha sal-lum.

Ġorġ Borg Olivier sar Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-1950, wara l-mewt ta’ Nerik Mizzi u żam din il-kariga sal-1977. F’dan il-perjodu, huwa serva darbtejn bħala Prim Ministru ta’ Malta, jiġifieri bejn l-1950 u l-1955 u l-1962 u l-1971.

Kien jemmen bis-sħiħ li Malta tista’ tikber ekonomikament u soċjalment bħala stat indipendenti. Kien hu li ta’ viżjoni lill-Partit Nazzjonalista meta introduċa l-politika li tħares lejn l-industriji tat-turiżmu u l-kostruzzjoni bħala essenzjali għat-tkabbir ekonomiku. 

Qabel sar Kap tal-PN, fl-1939 huwa kien elett fil-Kunsill tal-Gvern u meta Malta reġa’ kellha Gvern tagħha, fl-1947, huwa kien elett fl-Assemblea Leġislattiva u ftit wara Deputat Kap tal-Oppożizzjoni. 

Fl-1950 huwa kien il-Ministru tax-Xogħlijiet u r-Rikostruzzjoni u anke Ministru għall-Edukazzjoni fil-Gvern Nazzjonalista ta’ Minoranza mmexxi minn Nerik Mizzi sakemm ħa post Mizzi wara mewtu. Huwa kien żamm il-Ministeru għall-Ġustizzja taħt idejh. 

Sena wara, iffaċċja elezzjoni ġenerali u fforma Gvern ta’ koalizzjoni sakemm tilef l-elezzjoni fl-1955 u sab ruħu Kap tal-Oppożizzjoni.

Ma kienx l-isbaħ żmien għall-pajjiż, iżda Borg Olivier, forsi għall-kuntrarju ta’ dak li għamel fl-aħħar snin il-Partit Nazzonalista, rnexxielu jieħu vantaġġ mill-inkwiet li l-pajjiż kien għaddej minnu. Borg Olivier uża l-kunflitt bejn il-Partit Laburista u l-Arċisqof Mikiel Gonzi għall-vantaġġ tiegħu. 

Fl-1962 rebaħ l-elezzjoni u apparti li sar Prim Ministru mill-ġdid, żamm il-protafoll ta’ Ministru għall-Ippjanar Ekonomiku u l-Finanzi. Fl-istess sena, Malta għamlet it-talba formali għall-Indipendenza.

Il-Kostituzzjoni għall-Malta Indipendenti kienet pprovata mill-Parlament u minn referendum li sar fi Frar tal-1964. 

Borg Olivier reġa’ rebaħ l-elezzjoni tal-1966 iżda reġa’ sab ruħu fl-Oppożizzjoni fl-1971 meta Duminku Mintoff rebaħ l-elezzjoni. Madanakollu, Borg Olivier baqa’ hemm u meta tilef it-tieni elezzjoni konsekuttiva beda jberraq għalih.

Ħafna, inkluż fil-Partit Nazzjonalista, partikolarment Deputati, bdew iħarsu lejh bħala kap passiv li ma’ Mintoff ma għandux ċans, iżda hu kien iserraħ fuq il-fatt li mal-attivisti Nazzjonalisti kien għadu b’saħħtu.

Il-qasma fil-Grupp Parlamentari ħarġet aktar fil-beraħ meta l-Prim Ministru Mintoff ried illi jagħmel emendi fil-Kostituzzjoni, inkluż biex Malta ssir Repubblika, b’dawk lealissimi lejn Borg Olivier jgħidu illi din kienet biss mossa biex jitneħħa l-Kap Nazzjonalista.

Kien kważi l-Grupp Parlamentari kollu, ħlief ħames deputati, li ma bediex jaqbel ma’ Borg Olivier. Dawn kienu lesti jinfurmaw lil Borg Olivier illi jekk ma jirreżenjax isibu kap ieħor huma.

Dawn id-deputati kienu lesti li jaqblu mal-Gvern ta’ Mintoff fuq ċerti punti li ried jemenda fil-Kostituzzjoni, anke jekk kontra l-Kap tagħhom stess. Ittieħed vot u minn 27 deputat kienu biss ħuh Paul Borg Olivier, neputih Albert Borg Olivier De Puget, Alex Cachia Zammit, Joseph Cassar Galea u Alfred Bonnici li kienu wara l-Kap tal-PN. Kif jgħidu, l-istorja tirrepeti ruħha!

Fost dawk li ma vvutawx mal-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni kien hemm George Hyzler, Ugo Mifsud Bonnici, Ċensu Tabone, Eddie Fenech Adami, George Bonello Dupuis u Anton Tabone, ilkoll deputati li saru Ministri taħt Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ Eddie Fenech Adami. Għal dak iż-żmien, dawn kienu r-ribelli iżda n-Nazzjonalista ma damux ma biddlu fehmhom u sal-lum għadhom meqjusa bħala l-aqwa politiċi li qatt ra mhux biss il-Partit Nazzjonalista iżda anke l-pajjiż. 

Mintoff rebaħ mill-ġdid fl-1976 u Eddie Fenech Adami ħa f’idejh it-tmun tal-PN sena wara.

Eddie Fenech Adami (1977-2004)

Sigriet magħruf. Eddie Fenech Adami jibqa’ l-aħħar Kap tal-Partit Nazzjonalista li tista’ tgħid dejjem kellu l-appoġġ tan-Nazzjonalista kollha. Minn ribell, niżżel ismu bħala l-aktar Kap maħbub li qatt kellu l-Partit Nazzjonalista u bħala wieħed mill-aktar persuni influwenti l-istorja politika tal-pajjiż.

Fenech Adami sar Kap Nazzjonalista wara Ġorġ Borg Olivier, f’elezzjoni li ma kinitx nieqsa mill-intriċċi u li dwarhom tefa’ aktar dawl il-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici fl-awtobijorgrafija tiegħu: ‘Konvinzjoni u Esperjenza.’

Fil-fatt, Mifsud Bonnici jfakkar kif Guido de Marco kellu l-ambizzjoni li jkun hu li jieħu post Borg Olivier u saħansitra kien ħajjar lilu biex jikkontesta l-elezzjoni bil-għan li l-voti ta’ Fenech Adami jinqasmu u ma jkollux maġġoranza.

Jispjega kif meta ġie Eddie Fenech Adami, mill-ewwel kien meqjus bħala ‘vantaġġ’ għall-Partit Nazzjonalista, anke jekk dak iż-żmien kien għadu ġdid u ma rnexxilux jiġi elett fl-elezzjoni tal-1962, fosthom għax fuq l-istess distrett tiegħu kien hemm erba’ kandidati żwiemel.

Fil-fatt, Fenech Adami kien ġie co-opted fil-Parlament fl-1969. Dak iż-żmien anke de Marco kien favur Eddie għax kien jemmen li l-Grupp Parlamentari kellu bżonnu u forsi anke għax ma kienx jarah bħala theddida. Madanakollu fl-1977, induna li Fenech Adami kien b’saħħtu u kien għalhekk li beda jħajjar lil Mifsud Bonnici biex jikkontesta, offerta li ma aċċettax.

Li hu żgur huwa li de Marco aċċetta dak ir-riżultat u dejjem ħadem spalla ma’ spalla ma’ Fenech Adami li ħadem mhux biss biex jifforma lill-pajjiż, iżda anke lill-Partit. Fenech Adami kien għaqli biżżejjed biex ipoġġih Deputat Kap.

Fenech Adami serva bħala Prim Ministru bejn l-1987 u l-1996 u mill-ġdid bejn l-1998 u l-2004.

L-ewwel snin tiegħu ma kienu xejn feliċi. Kien Kap tal-Oppożizzjoni fi żmien ta’ tensjoni politika fil-pajjiż u ħafna għadhom jiftakkru l-attakk fuq id-dar tiegħu f’Ottubru tal-1979.

F’dan il-perjodu l-Partit Nazzjonalista żied fil-popolarità tiegħu tant li kiseb il-maġġoranza tal-voti fl-elezzjoni tal-1981 iżda ma ġabx il-maġġoranza tas-siġġijiet Parlamentari. Fenech Adami mexxa b’suċċess kampanja ta’ diżubiddjenza ċivili u anke bbojkotja l-Parlament repetutament bejn l-1981 u l-1983.

F’Marzu tal-1983, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, immexxija minn Fenech Adami rritornat fil-Parlament biex setgħu jibdew in-negozjati biex issir riforma Kostituzzjonali biex il-partit li jirbaħ il-maġġoranza tal-voti jiggverna.

Iżda t-tensjoni ma naqsitx. Sal-elezzjoni li kien imiss seħħ l-inċident f’Tal-Barrani fejn Fenech Adami kellu jindirizza mass meeting u nqatel Raymond Caruana fil-każin tal-PN fil-Gudja.

Għadu jissemma d-diskors li kien għamel Fenech Adami fil-Parlament meta kien iddikkjara li l-Baġit li l-Gvern kien għadu kemm ressaq kien irrilevanti wara dak li kien qed iseħħ fil-pajjiż, bit-tensjoni fil-Parlament teskala, b’Deputati tal-Gvern, fosthom Wistin Abela u Lorry Sant kważi jħebbu għalih.

B’maġġoranza ta’ 5,000 vot, Fenech Adami rebaħ l-elezzjoni tal-1987 bl-għajta “Xogħol, Ġustizzja u Libertà,” għajta li flimkien ma’ dik favur is-sbuħija għall-Unjoni Ewropea, ftit snin wara, kienu l-aħħar żewġ mottos li kienu juru biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għall-futur.

Fl-ewwel disa’ snin bħala Prim Ministru, Fenech Adami mexxa perjodu b’saħħtu ta’ bidla. Immodernizza lill-pajjiż u kabbar ir-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu.

Gvern immexxi minnu biddel l-infrastruttura tal-pajjiż. Biżżejjed insemmu l-bini tal-ajruport il-ġdid, l-impjanti tar-reverse osmosis u l-powerstation. Is-suq kien illiberalizzat u pprivatizza s-servizzi tat-telekommunikazzjoni, dawk bankarji u finanzjarji.

Fis-16 ta’ Lulju tal-1990 beda perjodu ta’ integrazzjoni mal-Unjoni Ewropea bil-għan li Malta ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Meta reġa’ sar Prim Ministru, fl-1998, Fenech Adami kompla bl-applikazzjoni biex Malta ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea u dan wara li l-istess applikazzjoni kienet ġiet iffriżata minn Alfred Sant fi żmien li għamel Prim Ministru.

Huwa reġa’ sar Prim Ministru fl-2003, ftit ġimgħat biss wara li rebaħ ir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Fis-16 ta’ April tal-2003, ftit jiem biss wara l-elezzjoni ġenerali, Fenech Adami ffirma t-Trattat għas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, biex hekk Malta, flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra, saret membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju tal-2004.

Bla dubju, din tibqa’ l-akbar kisba li Fenech Adami jibqa’ mfakkar għaliha.

Kien iffaċjat ukoll b’kontroversji. Forsi l-aktar waħda li tibqa’ tissemma hija l-maħfra presidenzjali li huwa kien irrakkomanda għal Joseph Fenech, magħruf bħala Żeppi l-Ħafi.

Fenech Adami kien irrakkomanda din il-maħfra lil Fenech (li għal xi żmien kien uffiċjal tas-sigurtà tiegħu) hekk kif hu kien ix-xhud ewlieni fil-każ tal-attentat tal-qtil ta’ Richard Cachia Caruana, dak iż-żmien assistent personali tal-Prim Ministru.

Fl-età ta’ 70, Fenech Adami kien irriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Fit-23 ta’ Marzu tal-2004 rriżenja wkoll minn Prim Ministru u minn Deputat Parlamentari. Serva wkoll bħala President ta’ Malta.

Lawrence Gonzi (2004 – 2013)

Lawrence Gonzi kien l-aħħar Kap tal-Partit Nazzjonalista li serva wkoll bħala Prim Ministru. Anke jekk tista’ tgħid li kien fi żmienu, meta l-Partit Nazzjonalista beda sejjer lura, irnexxielu jżomm lill-Partit Nazzjonalista warajh anke jekk ukoll sab ma’ wiċċu Deputati ribelli li għamlulu l-aħħar snin tiegħu diffiċli.

Gonzi ħa post Eddie Fenech Adami bħala Kap Nazzjonalista wara li kien kiseb 808 voti (94%) mit-859 vot li kienu ntefgħu fit-tieni votazzjoni fl-elezzjoni għall-Kap fl-2004. Dak iż-żmien kienu l-Kunsilliera biss li kienu jivvotaw. 

F’dik l-elezzjoni, Gonzi kien tellaq kontra John Dalli u Louis Galea. Louis Galea kien eliminat fl-ewwel votazzjoni u John Dalli kien imbagħad irtira l-kandidatura tiegħu. 

Lawrence Gonzi serva bħala Prim Ministru ta’ Malta bejn l-2004 u l-2013.

Bħala Kap tal-PN, Gonzi kien rebaħ elezzjoni waħda ġenerali, jiġifieri dik tal-2008, anke jekk bi żbrixx. L-għajta f’dik l-elezzjoni kienet GonziPN, l-ewwel darba li l-għajta f’elezzjoni kienet iddur ma’ persuna waħda. 

Fuq naħa din kienet turi l-fiduċja fil-partit kellu fil-Kap tiegħu, xi ħaġa li ftit li xejn għadha tgħodd illum iżda mill-banda l-oħra turi wkoll in-nuqqas ta’ viżjoni li ftit ftit kien beda jbati minnha l-Partit Nazzjonalista. Il-Kap kien l-uniku arma li kien fadallu l-PN.

Gonzi daħħal lil Malta fiż-żona ewro u mexxa tajjeb lill-pajjiż fi żmien ta’ kriżi ekonomika dinjija li rat ekonomiji b’saħħithom jinstabbtu u oħrajn jitqanżħu biex iżommu miexja.

Huwa kien Prim Ministru fi żmien il-kriżi fil-Libja li rat it-tmiem tal-Kurunell Muammar Gaddafi. Kien ipproteġa żewġ piloti li ħarbu lejn Malta bl-arjuplani militari wara li kellhom ordni biex imorru jattakkaw ir-ribelli. Fi żmienu, Malta offriet ukoll għajnuna umanitarja u assistenza medika lil-Libja.

Gvern immexxi minnu kien ħadem ukoll biex itejjeb il-kompetittività ta’ Malta fis-suq internazzjonali u ħadem biex Malta tattira setturi ġodda bħall-farmaċewtika u tal-IT waqt li ħadem biex jissaħħaħ is-settur pubbliku.

Iżda mhux kollox kien ward u żahar. L-aħħar snin ta’ Lawrence Gonzi ma kinux faċli. Biżżejjed insemmu l-prezzijiet tad-dawl u l-ilma li dwarhom kien kontinwament ikkritikat, l-iskandlu taż-żejt, il-falliment tal-Arriva, il-famuża żieda ta’ €500, l-allegazzjonijiet ta’ tixħim kontra membri tal-Gvern u tgħaqqad kollox l-oppożizzjoni u l-kritika li sab mid-Deputati Franco Debono, Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett u dan meta l-Gvern kellu biss maġġoranza ta’ siġġu wieħed fil-Parlament.

Dan wassal lil Lawrence Gonzi biex fl-2012 isejjaħ għal elezzjoni għall-Kap. Fiha hu kien l-uniku kandidat u kien ġie kkonfermat Kap b’96.5% tal-voti, jiġifieri żied mhux naqqas l-appoġġ tiegħu mill-2004. F’Ġunju tal-istess sena, Gonzi rebaħ vot ta’ fiduċja wara li d-Deputati kollha vvutaw favurih u dan minkejja li kien tilef voti kruċjali, fosthom mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru tiegħu Carm Mifsud Bonnici. Mozzjoni ta’ sfiduċja f’Austin Gatt ma kinitx għaddiet għax salvah l-Ispeaker. Id-Deputat Franco Debono kien astjena.

Minkejja l-ostakli kollha, Gonzi rnexxielu jżomm lill-partit tiegħu fil-Gvern sal-vot dwar il-Baġit, f’Diċembru tal-2012, meta Franco Debono kien ivvota kontra, flimkien mal-Oppożizzjoni Laburista.

Lawrence Gonzi kien ikkritikat ukoll bl-aħrax għax wara li l-maġġoranza tal-Maltin ivvotaw favur id-divorzju, hu kien ivvota kontra l-istess liġi fil-Parlament.

Dan kollu wassal biex fl-2013, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi jġarrab telfa elettorali enormi.

Qabel sar Prim Ministru, Gonzi serva bħala Speaker u anke Segretarju Ġenerali tal-PN. Serva wkoll bħala Ministru għall-Politika Soċjali bħala Deputat Prim Ministru. Meta sar Kap tal-PN u Prim Ministru, Gonzi kien żamm taħtu l-Ministeru għall-Finanzi sal-elezzjoni tal-2008. 

Simon Busuttil (2013 - 2017)

Diffiċli tiddefinixxi lil Simon Busuttil. Meta kien Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu l-Partit warajh b’mod partikolari fil-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni, iżda wara l-elezzjoni tal-2017 filwaqt li baqa’ maħbub jew ammirat minn bosta, ma tantx baqa’ jinżel tajjeb ma’ oħrajn, partikolarment ma’ dawk favur il-Kap attwali Adrian Delia, fosthom minħabba l-pożizzjoni li kien ħa kontra l-istess Delia fl-elezzjoni għall-Kap li kellu jeħodlu postu.

Busuttil kien ukoll l-ewwel Kap Nazzjonalista li qatt ma serva bħala Prim Ministru. Minkejja li kellu suċċess kbir bħala Ewroparlamentari, tant li sal-lum għadu jżomm ir-rekord tal-aktar kandidat li kiseb voti f’dawn l-elezzjonijiet, ftit li xejn jista’ jingħad għall-karriera politika lokali tiegħu. Minkejja l-isforzi tiegħu, żied flok naqqas id-distakk li kien kiseb il-Partit Laburista fl-2013 u kien nieqes minn viżjoni politika. Tefa’ l-enerġija kollha tiegħu fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li dak iż-żmien ma ħallitx frott, anke jekk ngħiduha kif inhi, illum qed tidher xorta oħra.

Simon Busuttil kien ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista meta kien kiseb 93% tal-voti tal-Kunsilliera Nazzjonalisti fit-tieni rawnd tal-votazzjoni.

Għat-tieni rawnd, Busuttil kien ikkontesta waħdu hekk kif il-kandidati l-oħra, Mario de Marco, Francis Zammit Dimech u Raymond Bugeja kienu rtiraw il-kandidatura tagħhom wara l-ewwel rawnd ta’ votazzjoni u ngħaqdu wara Busuttil.

Fl-ewwel rawnd, Simon Busuttil kien kiseb 50.3% tal-voti, jew 451 vot mit-897 vot mitfugħa mill-Kunsilliera. Warajh kien ġie Mario de Marco li kien kiseb 345 vot filwaqt li Francis Zammit Dimech u Raymond Bugeja kisbu 54 u 47 vot rispettivament.

Kif spjegat, fil-ħames snin li dam Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil iffoka l-politika tiegħu biex jiġġieled kontra l-korruzzjoni u l-governanza t-tajba, b’mod partikolari wara li kienu ġew żvelati dawk magħrufa bħala l-Panama Papers u l-involviment ta’ Keith Schembri, dak iż-żmien Chief of Staff ta’ Kastilja u Konrad Mizzi, dak iż-żmien Ministru. Għal darba, darbtejn, Busuttil niżżel lin-nies fit-toroq jipprotestaw kontra l-korruzzjoni. 

Forsi l-akbar żewġ żbalji (x’aktarx fatali għall-karriera politika lokali) ta’ Busuttil kienu meta għamel tiegħu l-allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant u anke meta mal-Partit Demokratiku, tal-eks Deputati Laburisti Marlene u Godfrey Farrugia, ifforma dik li bdiet tissejjaħ bħala Forza Nazzjonali. Din (għall-ewwel dabra) bagħtet messaġġ li waħdu, il-Partit Nazzjonalista, ma kienx se jirnexxielu jirbaħ lil Joseph Muscat.

Dan aktar u aktar meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, kien ħabbar elezzjoni sena qabel iż-żmien u xi ftit jew wisq, il-PN sab ruħu daru mal-ħajt.

Minkejja li s-sondaġġi kienu dejjem qed juru li l-Partit Laburista kien se jerġa’ jirbaħ bil-kbir, id-dikjarazzjonijiet ta’ Busuttil u anke l-kampanja tal-PN, kienet qawwiet qalb ħafna Nazzjonalisti. Anke jekk bil-mass meetings mhux se tirbaħ elezzjoni, jibqa’ l-fatt li Busuttil kien irnexxielu jiġbor eluf ta’ Nazzjonalisti warajh, partikolarment fl-aħħar mass meeting fuq il-Fosos tal-Furjana. Immaġina kieku l-PN kellu jorganizza mass meeting illum!

Minkejja dan, it-tama jew “il-fjamma” (kif kien iħobb isejħilha) taret mar-riħ malli reġa’ rebaħ bil-kbir il-Partit Laburista u sal-lum baqgħet qatt ma reġgħet xegħlet fost ħafna Nazzjonalisti diżżilużi.  

Adrian Delia (2017 - )

Bla dubju li Adrian Delia huwa l-aktar Kap kontroversjali tal-Partit Nazzjonalista u l-aktar wieħed li sab mhux biss ostakli iżda saħansitra reżistenza fil-partit stess. Delia bl-għajta ta’ “Mod Ġdid” u anke bil-wiegħda li “jeħles” lill-Partit Nazzjonalista “mill-establishment” sar Kap Nazzjonalista fl-2017.

Huwa kkontesta l-elezzjoni kontra Chris Said, Frank Portelli u Alex Perici Calascione. Portelli u Perici Calascione waqgħu fil-votazzjoni li saret fil-Kunsill Ġenerali biex jintagħżlu ż-żewġ kandidati li kellhom imorru quddiem it-tesserati. Fil-fatt, Delia kien l-ewwel Kap tal-PN li għażluh it-tesserati.

Minn total ta’ 14,742 tesserat li vvota, Delia kiseb 7,734 vot filwaqt li Chris Said ġab 6,932. Kien ċar li l-Partit Nazzjonalista kien maqsum dwar Delia, fatt li baqa’ jinħass sal-lum il-ġurnata.

Iżda l-ewwel tumbati Delia qalagħhom qabel din l-elezzjoni meta Daphne Caruana Galizia ħarġet bir-rapport dwar il-kont bankarju ta’ Delia f’Jersey u li minnu, allegatament kienu jidħlu flus mill-prostituzzjoni. Anke jekk Delia dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet, fl-eqqel tal-kampanja kien tlaqqa’ l-Kumitat tal-Etika u wara laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv, Simon Busuttil (dak iż-żmien il-Kap uxxenti) kien insista illi li kieku kien flok Delia kien jirrikonsidra l-kandidatura tiegħu.

Madanakollu, kontra kull ostaklu, Delia ġie elett u ħa l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Iżda l-allegazzjonijiet dwaru ma waqfux. Feġġew ir-rapporti dwar il-ħlas tat-taxxa, il-qagħda finanzjarja ta’ Delia, ġew ippubblikati filmati personali fi żmien li hu kien qed jissepara minn ma’ martu u l-akbar daqqa tiegħu kienet iċ-Chat li allegatament kellu ma’ Yorgen Fenech is-sid tal-kumpanija 17 Black u l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Żball kbir, li xellef darba għal dejjem ir-rabta li setgħet bdiet tinbet bejn Delia u Deputati li mill-bidu deher li mhux jappoġġjawh, kien meta talab lill-eks Kap Simon Busuttil biex jissospendi lilu nnifsu mill-PN. Dan meta ħarġu l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant li ma sabet l-ebda rabta bejn din il-kumpanija fil-Panama u l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat. 

Delia nduna bl-iżball u dawwar ir-rotta u beda l-ġlieda tiegħu biex ikun ippubblikat ir-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant. Żgur li l-akbar kisba ta’ Delia sa issa kienet il-ġlieda li kellu fil-Qorti kontra l-Avukat Ġenerali. Delia rnexxielu jikseb kopja tar-rapport li ppubblika minnufih.

Daqqa oħra kbira għal Delia kienu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali tas-sena li għaddiet. Il-Partit Nazzjonalista tilef bi kbir. Il-PN tilef it-tielet siġġu u ma ġie elett ħadd mill-kandidati ‘favoriti’ ta’ Delia.

Dan wassal għal mewġa ta’ riżenji fil-Partit Nazzjonalista u anke biex esponenti tal-PN jiġbru l-firem biex jissejjaħ vot dwar il-Kap. Il-vot sar u 67% tal-Kunsilliera vvutaw favur Adrian Delia. 

Iżda l-fiduċja f’Delia baqgħet titnaqqar u aktar kmieni din is-sena, Delia tilef tliet voti ta’ fiduċja, kemm wara sondaġġi diżastrużi għalih u l-PN u anke wara l-allegazzjoni li kellu kommunikazzjoni ma’ Yorgen Fenech. 

L-ewwel ma tilef kien vot fil-Grupp Parlamentari meta 17-il Deputat ivvutaw kontrih. Delia tilef ukoll vot ta’ fiduċja fl-Eżekuttiv u aktar tard, f’votazzjoni li saret fil-Kunsill Ġenerali, 839 kunsillier ivvotaw (kontra 659) biex it-tesserati tal-PN jivvotaw f’elezzjoni għal Kap, kontra dak li xtaq Delia li kien qed jipproponi li t-tesserati jivvotaw biss dwar il-futur tiegħu.

Wieħed jistenna u jara x’se jkun il-futur ta’ Delia wara t-3 ta’ Ottubru...  

More in Politika