Grech b'saħħtu fid-distretti tat-tramuntana u Għawdex, Delia fin-nofsinhar u fil-Kottonera

Fl-aħħar sondaġġi interni li rat il-gazzetta ILLUM jidher li t-tesserati tat-tramuntana - speċjalment tad 9, 10, 12 u 13 - se jivvutaw kontra Delia, waqt li l-Kap kurrenti għandu saħħa fin-nofsin har speċjalment f'distrett numru 2

Delia Vs Grech
Delia Vs Grech

Minn sondaġġi interni li rat il-gazzetta ILLUM jidher illi Bernard Grech huwa b'saħħtu l-aktar fit-12 u 13-il distrett - jiġifieri id-distretti tat-tramuntana li jinkludu il-lokalitajiet ta' San Pawl il-Baħar, parti minn Naxxar u l-Mellieħa kif ukoll fid-distrett ta' Għawdex, b'mod ġenerali. 
Jidher li Grech għandu appoġġ pjuttost konsiderevoli f'dawn id-distretti bin-numri jibqgħu favurih u tajbin fid-Distretti tmienja, disa' u 10 - u allura dawk il-lokalitajiet li jinkludu lil Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi kif ukoll Ħal Għargħur u San Ġwann.  Jidher li hawnhekk Grech - sa issa - qed jaqbeż b'maġġoranzi komdi lil Delia fost it-tesserati. 

Sa issa jidher li Grech għandu aktar appoġġ allura f'dawk id-distretti li tradizzjonalment huma Nazzjonalisti u li fl-2017 taw maġġoranza lil Chris Said.  Dawn jibqgħu wkoll l-aktar distretti problematiċi tal-PN għall-aħħar elezzjonijiet, bil-Partit Laburista saħansitra ġie qrib li jirbaħ it-12-il Distrett u rebaħ it-13-il Distrett fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Adrian Delia, minn naħa l-oħra, għandu appoġġ ħafna akbar fid-distretti tan-nofsinhar, speċjalment dawk viċin il-Kottonera, milli għandu fis-seba' distretti tat-tramuntana. 

Skont dak li rat il-gazzetta ILLUM, Delia jirbaħ maġġoranza komda ta' tesserati fil-lokalità ta' Ħaż Żabbar, l-aktar lokalità b'saħħitha tal-Kap kurrenti. 

Interessanti wkoll kif - minkejja li l-appoġġ għal Delia jikber fid-distretti tan-nofsinhar - għalkemm sa issa m'għandux maġġoranza f'kull distrett - jidher li jidħlu wkoll fatturi ta' lokalitajiet partikolari.  Per eżempju, minn dak li rat din il-gazzetta jidher li Bernard Grech għandu appoġġ konsiderevoli f'Birżebbuġa - lokalità b'maġġoranza Laburista imma fejn għex ħafna minn ħajtu u fejn huwa wkoll  involut f'għaqda mużikali lokali.  Fl-istess distrett iżda Adrian Delia huwa ħafna iktar b'saħħtu fil-Qrendi. 

Minkejja li sa issa Grech jinsab fuq quddiem b'mod ġenerali, kull distrett u lokalità toffri sfidi u realtajiet differenti b'kumitati distrettwali li jew qed jappoġġjaw lil Delia jew lil Grech.  Fuq Għawdex, per eżempju, is-sorsi qalulna li qed tkun determinanti ħafna l-preżenza ta' Chris Said, li għandu appoġġ qawwi fuq din il-gżira u li naturalment għandu kuntatti estensivi mat-tesserati.  Imma mhux biss.  Hemm ukoll Kevin Cutajar li ma kienx se jitla' fil-Parlament, hekk kif is-siġġu ta' David Stellini l-partit kien se jagħtih lil Jean Pierre Debono, xi ħaġa li niżlet ħażin ħafna man-Nazzjonalisti Għawdxin. 

F'Għawdex waħdu hemm 1,771 tesserat eliġibbli.

Fil-Kottonera u l-madwar (inkluż Ħaż Żabbar) - fejn Delia hu b'saħħtu, huwa kandidat u Deputat Carm Mifsud Bonnici, li apparti illi huwa popolari fid-distrett, huwa wkoll wieħed mid-deputati li baqgħu jappoġġjaw lill-Kap kurrenti.
Naturalment il-fatt li Delia huwa aktar b'saħħtu fin-nofsinhar mhu xejn ġdid - hekk kif fil-fatt fl-2017 hu kien rebaħ b'maġġoranza d-distretti, wieħed sa' sitta, filwaqt li Said rebaħ it-tramuntana. 

Minn numri li rat din il-gazzetta u bi tqabbil mal-2017 iżda ma jidhirx li Delia se jżomm l-istess livell ta' appoġġ li kellu tliet snin ilu f'kull wieħed minn dawn id-distretti, iżda jista' jkun li jirbaħ maġġoranzi f'xi distretti fl-aħħar jiem tal-kampanja. 

More in Politika