Aġġornata | Ġurnalista tiċħad mal-ILLUM li kienet 'influwenzata' minn xi ħadd mit-tim ta' Bernard

It-tim ta' Bernard Grech jakkuża lil dak ta' Delia b'"gidba sfaċċata" meta akkużah illi pprova jinfluwenza lill-ġurnalista tal-PBS u li għalhekk hi ddeċidiet illi ma tmexxix dibattitu ... mal-ILLUM il-ġurnalista tiċħad

Delia Vs Grech u l-isfidi li se jkollhom jiffaċċjaw
Delia Vs Grech u l-isfidi li se jkollhom jiffaċċjaw

Wara li t-tim ta' Adrian Delia ilmenta u akkuża lit-tim ta' Bernard Grech illi pprova jinfluwenza lill-ġurnalista tal-PBS Ruth Amaira, li hu qal illi kienet se tmexxi dibattitu li kellu jsir bejn Delia u Grech, jirriżulta li fil-fatt kienet Ruth Amaira stess li ddeċiediet illi ma tmexxiex dan id-dibattitu.  F'kumment qasir mal-illum.com.mt il-ġurnalista veterana sostniet li hi rrifjutat minn jeddha li tmexxi dan id-dibattitu u li fl-ebda ħin ma kienet influwenzata, b'ebda mod, minn ħadd fil-Partit Nazzjonalista. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal fi stqarrija - aktar qabel -  li minkejja dik li sejħilha reżistenza minn Bernard Grech biex isir dibattitu bejniethom, il-Kummissjoni Elettorali kienet għażlet lill-ġurnalista Ruth Amaira biex tmexxi dibattitu bejniethom nhar it-Tnejn li ġej.

Madanakollu, Delia saħaq li t-tim ta' Grech avviċina lill-ġurnalista biex "jipprova jinfluwenzaha."

"Dan wassal biex l-istess ġurnalista bgħatet tinforma lil Kummissjoni Elettorali li qed tirtira l-parteċipazzjoni tagħha f’dan id-dibattitu," tkompli l-istqarrija.

'Gidba sfaċċata'

Minkejja dan it-tim ta' Grech sejjaħ din bħala 'gidba sfaċċata' .

"Ninnutaw b'dispjaċir li din hi gidba u mhux minnu li saret xi pressjoni fuq xi ġurnalist partikolari. Hekk kif ġejna mgħarrfa bid-dibattitu u bl-isem ta' ġurnalista partikolarili kienet indikata li se tmexxi d-dibattitu, għamilna kuntatt biex nitkellmu dwar format pero l-ġurnalista mill-ewwel qaltilna li kienet diġà għarrfet lill-Kummissjoni Elettorali li ma kenitx aċċettat li tmexxi d-dibattitu. Hija gidba li kien hemm xi reżistenza minn naħa tat-Team ta' Bernard Grech," sostna t-tim ta' Grech.

"Dawn l-attentati propju ftit tal-ħin qabel tibda l-votazzjoni ma huma xejn għajr attentati biex jippruvaw iħawwdu l-imħuħ tal-votanti," temmet tgħid l-istqarrija tat-tim ta' Bernard Grech.

More in Politika