L-MHRA tbassar seba' xhur ta' 'tnaqqis sostanzjali' ... tappella għal estensjoni fl-għajnuna sa Marzu

Se jkunu xhur diffiċli għat-turiżmu ... l-MHRA tisħaq li hemm bżonn pjan li huwa fit-tul mhux nofs miżuri

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qed tbassar illi meta wieħed jieħu kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni globali ppreċipitata mill-pandemija, fis-seba' xhur li ġejjin l-operaturi fl-oqsma tat-turiżmu, ospitalità u vjaġġar mistennija jaraw "tnaqqis sostanzjali" fil-volum ta' xogħol. 

Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM ukoll ippubblikat storja li fiha kemm Philip Fenech mill-Kamra tal-SMEs u anke s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja kkonfermaw li s-sitwazzjoni ta' mewġa ta' kanċellamenti hekk kif żdiedu l-każi tal-Covid-19 wasslet għal sitwazzjoni prekarja fost ħafna lukandi - tant li bla għajnuna mill-Gvern ikunu kostretti jkeċċu lill-ħaddiema.

Filwaqt li ħadet nota ta' dak li ħabbar il-Prim Ministru, jiġifieri li s-Suppliment tal-Paga u l-vouchers se jiġu estiżi b'xahar ieħor, l-MHRA qalet illi nofs miżuri iktar jagħmlu ħsara milli ġid bħalissa.

Għalhekk l-assoċjazzjoni pproponiet pjan aktar fit-tul li jkun jinkludi: 

1 - Jiġi estiż is-suppliment tal-paga sa' Marzu 2021 - is-suppliment għall-ħaddiema f'ristoranti jitla' għal €800

2 - Jinżamm il-momentum ta' negozju ġġenerat fis-settur tar-ristoranti permezz ta' skemi ta' vouchers u sussidji fuq il-kera kif ukoll fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

3 - Ikun aċċertat li anke ħaddiema ġodda jkunu eliġibbli għas-suppliment ta' €800

Il-President tal-MHRA Tony Zahra sostna li hemm bżonn direzzjoni ċara minn naħa tal-Gvern dwar it-triq 'il quddiem. 

 

More in Politika