'Ħasil regolari tal-idejn, id-distanza soċjali u l-maskri huma fundamentali fl-iskejjel' - WHO

L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għamlet dawn ir-rakkomandazzjonijiet waqt laqgħa virtwali li saret mal-Ministri għas-Saħħa u tal-Edukazzjoni

Meta jiftħu l-iskejjel, il-ħasil tal-idejn, id-distanza soċjali u l-użu tal-maskri fejn possibbli għandhom ikunu infurzati.

Qalet dan l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa fir-rakkomandazzjonijiet tagħha waqt laqgħa virtwali li saret mal-Ministri għas-Saħħa u tal-Edukazzjoni.

Malta kienet irrappreżentata mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, mill-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici u mis-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci.

Il-WHO appellat li għandu jkun hemm miżuri speċifiċi li jipproteġu lill-istudenti li għandhom diffikultà fit-tagħlim u anke kundizzjonijiet ta’ saħħa u anke dawk l-edukaturi li huma meqjusa vulnerabbli.

Insistiet li għandhom jittieħdu l-miżuri kollha wkoll biex it-tagħlim onlajn ikun disponibbli biex it-tagħlim ikun jista’ jkompli f’każ li skola jkollha tagħlaq jew inkella bħala alternattiva għal dawk l-istudenti u edukaturi b’kundizzjonijiet ta’ saħħa li jagħmluhom vulnerabbli, jew li jkollhom bżonn jagħmlu kwarantina.

Sal-lum il-Gvern Malti għadu ma ppubblikax il-protokolli li se jintużaw meta jiftħu l-iskejjel f’Settembru. Bħalissa għaddejin id-diskussjonijiet mal-partijiet kollha ikkonċernati, inkluż il-unjins tal-għalliema u l-edukaturi u hu mifhum li aktar din il-ġimgħa dawn il-protokolli se jkunu kkomunikati lill-edukaturi.

Aqra wkoll:

More in Politika