'Min m'għandux x'jaħbi jibda jirbaħ' - Delia jikteb waqt li jħejji għall-proċess ta' verifika

Il-proċes tad-due diligence fuq Adrian Delia u Bernard Grech jista' jdum sa massimu ta' sitt ġimgħat

Għadu għaddej il-proċess ta’ verifika fuq iż-żewġ kandidati li wrew interess għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fuq Facebook, il-Kap attwali tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, tefa’ ritratt flimkien mal-kollaboraturi tiegħu, Roselyn Borg Knight u Antonio Depasquale, fejn jidhru qed iħejju għall-proċess tad-due diligence.

“Il-karti kollha fuq il-mejda. Il-verità kollha kif dejjem sostnejt. Min m'għandux x'jaħbi jibda jirbaħ,” kiteb il-Kap Nazzjonalista.

Skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, dan il-proċess tad-due diligence jista’ jieħu sa massimu ta’ sitt ġimgħat.

Malli l-Kummissjoni Kandidati ttemm dan il-proċess, din tibgħat rapport ta’ verifika lill-Kunsill Amministrattiv u lill-Kummissjoni Elettorali u magħhom dikjarazzjoni dwar jekk il-membri li ddikjaraw l-interess għall-elezzjoni, f’dan il-każ Adrian Delia u Bernard Grech, ikunux issodisfaw il-kriterji tal-verifika.

Il-Kummissjoni Elettorali, fi żmien tlett ijiem mir-rapport tal-verifika msemmi toħroġ avviż li jsejjaħ għal nominazzjonijiet ta’ kandidati minn fost dawk li jkunu ġew pożittivament verifikati. 

Iż-żmien għan-nominazzjonijiet għandu jagħlaq fi żmien ħamest ijiem.

F’dan il-każ, żgur li mhux se jkun hemm aktar minn żewġ kandidati f’din l-elezzjoni.

Għalhekk, jekk Delia u Grech, it-tnejn li huma jgħaddu mill-proċess tal-verifika u għalhekk ikunu uffiċjalment kandidati, fi żmien ħmistax il-ġurnata mill-għeluq tan-nominazzjonijiet, tissejjaħ il-Konvenzjoni Ġenerali biex it-tesserati jagħżlu l-Kap tal-Partit.

F’każ li jkun hemm biss nominazzjoni waħda, din titressaq għall-votazzjoni sigrieta mill-Kunsill Ġenerali u biex il-kandidat jiġi ddikjarat elett jeħtieġ jikseb għallanqas ħamsin fil-mija u wieħed tal-voti mixħuta mill-kunsillieri.

More in Politika